Sport

GSSE 2019: AĠĠORNATA: Matthew Asciak kostrett jirtira mill-kwarti tal-finali minħabba li weġġa’ l-hamstring

Is-sid numru wieħed Malti Matthew Asciak kien sfortunat li kellu jirtira mill-kwarti tal-finali kontra Marco de Rossi minn San Marino hekk kif weġġa’ l-hamstring. Asciak kien rebaħ l-ewwel set 6-1, iżda weġġa’ meta kien 2-2 fit-tieni set meta prova jilħaq ballun qrib in-net.

Hu prova jkompli l-logħba iżda ma setax jagħmel il-movimenti naturali, b’kawża li tilef it-tieni set 6-3. Wara intervent mediku, fejn kellu l-hamstring infaxxat, Asciak prova jilgħab is-set deċiżiv, madankollu ma setax ilaħħaq mal-avversarju u rtira meta kien 4-1 minn taħt.

Din l-aħbar ħalliet effett ħażin ukoll fuq Omar Sudzuka hekk kif it-tnejn kellhom jilagħbu fid-doubles. Asciak, anki jekk b’diffikultà evidenti, xorta onora l-logħba, iżda l-koppja mill-Montenegro ftit kellha diffikultà biex tirbaħ 6-2, 6-1. Asciak mhux fl-aħjar kundizzjoni, lagħab ukoll fil-mixed doubles flimkien ma’ Elaine Genovese u kif mistenni fis-sitwazzjoni ħarġu telliefa faċilment kontra t-tennisti minn Monaco.

Sudzuka kien eliminat mill-aħħar 16 fl-individwali b’telfa kontra Birkir Gunnarsson tal-Iżlanda. Hu kien rebaħ l-ewwel set 6-3 iżda l-Iżlandiż wieġeb b’żewġ rebħiet ta’ 6-2 u 6-4.

Iż-żagħżugħa Francesca Curmi wkoll kienet eliminata mir-rawnd tal-aħħar 16 b’telfa kontra Sylvie Marie Zuend mil-Liechtenstein. Curmi tilef l-ewwel set 2-6 iżda wieġbet bir-rebħ tat-tieni set 6-1, madankollu Zuend irkuprat biex rebħet is-set deċiżiv 6-2.

Elaine Genovese għaddiet għas-semifinali b’rebħa ta’ 6-2, 6-3 kontra Danae Petroula u tilgħab illum kontra Eleonora Molinaro Simon. Genovese flimkien ma’ Francesca Curmi għaddew għas-semifinali b’rebħa f’żewġ sets missielta kontra l-Iżlanda.