Kummerċ Lokali

Kwistjoni bejn il-kumpaniji taċ-ċilindri tal-gass tispiċċa l-Qorti

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lil Easygas Malta Ltd (ċilindri griżi skuri) tħallas danni lil Liquigas Malta Ltd (ċilindri ħodor) rigward l-użu ta’ ċilindri ħodor għall-bejgħ ta’ gass liema ċilindri huma propjetà ta’ Liquigas. Easygas instabet ħatja li b’mod illegali u abbużiv żebgħet iċ-ċilindri bil-kulur griż skur bħal tagħha stess minkejja li ċ-ċilindri kienu ta’ Liquigas.

Liquigas qalet li, bħala kumpanija, hi tbiegħ il-liquid petroleum gas (LPG) fiċ-ċilindri ħodor li hi kienet xtrat u li kellhom marki distintivi li jindikaw li huma propjetà tagħha, u f’ċilindri sofor li qabel kienu proprjetà ta’ Enemalta liema ċilindri Liquigas għandha dritt esklussiv li tużahom.

Hi qalet li Easygas topera ukoll fl-istess settur, jiġifieri fil-bejgħ tal-gass imma f’ċilindri b’kulur griż skur.

Liquigas qalet li skopriet li Easygas kienet qed tirtira mis-suq ċilindri li huma proprjetà ta’ Liquigas, ħalli tpoġġi l-marki ta’ Easygas fuq dawn iċ-ċilindri, u wara li żebgħethom bil-kulur griż skur, intlew bil-gass u poġġiethom lura għall-bejgħ.

Liquigas qalet li din l-imġieba abbużiva, li saret fuq perjodu ta’ snin minkejja rappurtar lill-awtoritajiet rilevanti,  kienet ta’ ostaklu fid-dmir tagħha li tiżgura l-kundizzjoni taċ-ċilindri skond il-liġi.  Iktar tard, l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi ħarġet Cease and Desist Order kontra Easygas, liema ordni kienet injorata minn Easygas.    

L-Imħallef Mark Chetcuti qal li Easygas ma ppreżentatx l-ebda prova biex tikkontradixxi l-allegazzjoni ta’ Liquigas li ċ-ċilindri sofor tagħha kienu qegħdin ikunu miżbugħin bil-griż skur. Rapporti ta’ esperti kkonfermaw ukoll li nżebgħu ċ-ċilindri ta’ Liquigas.

Il-qorti kkonfermat li Liquigas kienet soffriet danni li ammontaw għal €146,335 sal-20 ta’ Frar 2019.        

Il-qorti ordnat lil Easygas Malta Ltd tħallas dan l-ammont lil Liquigas Malta Ltd, bl-imgħax mid-data tas-sentenza. L-ispejjeż għandhom jitħallsu minn Easygas.