Minkejja prestazzjoni qalbiena li fiha t-tim Malti għamel rimonta mill-aqwa lejn it-tmiem, xorta ħareġ tellief 80-75 kontra l-Iżlanda. F’mument minnhom it-tim Malti kien 22 punt minn taħt u wara li mar ħames punti vantaġġ, spiċċaw il-logħba 64-64 biex il-logħba kompliet fil-ħin barrani minħabba li ried ikun hemm rebbieħ bilfors.
Il-Maltin pattew qares għall-ewwel żewġ sessjonijiet li kienu deludenti, bi traskuraġni fil-konklużjonijiet tagħhom. Iżda lejn nofs it-tielet perjodu, Malta bdew ir-rimonta b’Aaron Falzon jagħmel 33 punt.
Aaron Falzon ġab id-draw wara bidu diffiċli. Iżda permezz ta’ diversi three pointers, l-Iżlanda fetħet disa’ punti vantaġġ u temmet l-ewwel perjodu 22-14 fil-vantaġġ. Id-distakk kiber għal 13-il punt b’sitt minuti qabel il-mistrieħ.
L-Iżlanda kienet 22 punt vantaġġ f’nofs it-tielet perjodu, iżda hemm bdiet ir-rimonta Maltija li għamlu l-iskor 49-38 wara li rebħu xi rebounds fid-difiża. Dan ħalla lit-tim Malti fil-logħba u d-distakk niżel għal punt, ħames minuti mit-tmiem.
Malta marret għall-ewwel darba minn fuq iżda l-Iżlanda ħadet vantaġġ ta’ 64-61, sakemm three pointer ta’ Aaron Falzon sfurzat il-logħba fil-ħin barrani.
L-Iżlanda kienu ftit aħjar u kellhom vantaġġ ta’ 75-71 b’90 sekonda għat-tmiem, liema distakk kien wisq għall-isforzi tat-tim Malti.
Malta: R. Vella, D. Bugeja (7), N. Kahler (2), C. Patus (11), P. Shoults (2), N. Xuereb (2), T. Falzon (3), A. Felice Pace, A. Falzon (33), M. Gouder, K. Cassar (2), S. Deguara (13)
//= $special ?>