Lokali

Titħabbar il-mewt tal-ex Deputat Nazzjonalista Michael Bonnici

L-Erbgħa tħabbret il-mewt tal-eks Membru Parlamentari Nazzjonalista kif ukoll ex-Deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Michael Bonnici. Hu kellu 74 sena.

Tul il-karriera tiegħu Michael Bonnici ħadem bla heda għal Malta u raħal twelidu, Ħaż Żebbuġ. Huwa kien deskritt minn bosta bħala ġentlom ta’ qalb kbira li dejjem kellu l-bieb miftuħ sabiex johrog idejh lil min kien fil-bżonn mingħajr ma kien jara kuluri politiċi.

Bħala professjoni huwa kien spiżjar, u tela’ l-ewwel darba fil-Parlament fl-1987. Huwa serva bħala Membru Parlamentari sal-2003 u f’dan il-perjodu huwa kien ukoll deputat speaker.

L-ispiżjar Bonnici kien deskritt minn ħafna bħala persuna li kien moderat u korrett fl-azzjonijiet tiegħu. U jibqa’ mfakkar bħala l-politiku li waqqaf il-kumitat ċiviku ta’ Ħaż-Żebbuġ, kien promotur tat-twaqqif tal-monument ta’ Dun Karm Psaila, u kien ukoll aġent reġistratur tal-Kunsill Mediku. 

Michael Bonnici mexxa diversi delegazzjonijiet parlamentari fl-Ewropa fuq suġġetti varji ta’ interess politiku.

Intant il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija sellem u ta l-kondoljanzi lill-familja Bonnici u l-qraba tiegħu.

Il-funeral tal-ispiżjar Bonnici se jsir l-Ġimgħa fil-Knisja ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ fis-2pm.