Edukazzjoni Lokali

Dubji dwar jekk hux se jsiru eżamijiet tal-Malti u l-Matematika fis-Sekondarja

Wara l-karti tal-eżami copy u paste li kellhom fi Frar, l-istudenti tas-Sekondarja tal-Istat issa hemm ċans li ma jkollhomx eżamijiet tal-aħħar tas-sena fil-Malti u fil-Matematika.

L-inkwiet f’dawn id-dipartiment ilu jippersisti u din mhux l-ewwel darba li hemm inċertezza jekk hux se jsiru l-eżamijijet. Filfatt fi Frar li għadda id-dipartiment ukoll sab ruħu f’din is-sitwazzjoni li mbagħad ġiet riżolta ta’ malajr mid-direttorat li qabad erba’ karti tal-eżami tas-snin ta’ qabel u għamel copy u paste biex ħejja karti tal-eżami fl-aħħar mumenti.

Issa jidher li reġa hemm iċ-ċans li jiġri l-istess hekk kif Kapijiet tad-Diperatimenti tal-Malti u l-Matematika kif ukoll EO’s fl-istess dipartimenti għandhom direttivi biex ma jippreprarawx karti tal-eżami.

Dan minħabba nuqqas kbir ta’ għalliema f’dawn iż-żewġ suġġetti li qed ipoġġi piż żejjed fuq l-għalliema u l-Kapijiet tad-Dipartimenti rispettivi.

Dawn l-eżamijijet huma importanti għall-istudenti tas-sekondarja, aktar w’aktar għal dawk tal-10 sena (Form 4) li għalihom ikunu l-aħħar eżamijiet annwali qabel dawk tal-matrikola u li allura jservu ta’ gwida biex jaraw fejn jinsabu fl-istudji tagħhom.