Sport

GSSE 2019: Doppjetta Maltija fid-double fit-trap

(Ritratt: Antvin Monseigneur)
Gianluca Chetcuti jikseb id-deheb għat-tieni edizzjoni konsekuttiva

Wara d-deheb fl-10 metri Air Pistol u l-fidda ta’ William Chetcuti fit-trap, l-isparar kompla joffri sodisfazzjon hekk kif fid-double trap, Gianluca Chetcuti rebaħ id-deheb għat-tieni edizzjoni konsekuttiva segwit minn William Chetcuti.

Iż-żewġ tiraturi Maltin kisbu l-midalji meritatament hekk kif mill-ewwel kienu fuq quddiem u żammew il-pożizzjonijiet tagħhom. Din il-kompetizzjoni kienet fuq ħames rawnds bi 30 plattina kull rawnd.

Gianluca Chetcuti spiċċa b’132 plattina, tnejn aktar minn William Chetcuti. It-tielet post intrebaħ minn Gian Marco Berti ta’ San Marino li rebaħ shoot-off kontra Leontios Leontiou ta’ Ċipru wara li t-tnejn spiċċaw b’125 plattina.

Iż-żagħżugħ Malti laqat 28, 26, 25, 28 u 25 rispettivament filwaqt li William Chetcuti laqat 25, 27, 25, 25 u spiċċa b’rawnd b’saħħtu ta’ 28 plattina. B’kollox ħadu sehem 12-il tiratur iżda tlieta minnhom kienu barra l-kompetizzjoni, bit-tiraturi jinqasmu f’żewġ gruppi. William spara fl-ewwel grupp u għalhekk bir-riżultat tal-aħħar rawnd, għamilha diffiċli għat-tiraturi ta’ warajh biex jilħquh.