Sport

GSSE 2019: Elaine Genovese u Francesca Curmi fil-finali tad-doubles tat-tennis

Il-koppja Maltija magħmula minn Elaine Genovese u Francesca Curmi se jilagħbu l-finali llum fil-kompetizzjoni tad-doubles wara li għelbu lit-tennisti mill-Montenegro Vladica Babic u Anja Draskovic 6-3, 7-6.

Genovese u Curmi kienu aħjar mill-avversarji f’xi mumenti waqt il-logħba, iżda dehru li setgħu jilagħbu t-tielet set, hekk kif l-avversarji kellhom vantaġġ ta’ 5-2. Iżda r-reazzjoni tal-Maltin kienet opportuna u rnexxielhom saħansitra jmorru 6-5 minn fuq.

Babic u Draskovic sfurzaw it-tie-break biex jibqgħu b’ċans li jilagħbu t-tielet set, iżda t-tim Malti kellu ħsibijiet oħra u rebaħ it-tie-break biex għalqu l-logħba. L-avversarji tagħhom fil-finali se jkunu l-koppja ta’ Ċipru.

Intant, Elaine Genovese se tikkuntenta bil-midalja tal-bronż wara li tilfet is-semifinali 6-3, 6-0 kontra Eleonora Molinaro Simon tal-Lussemburgu.