Sport

GSSE 2019: Żewġ midalji tad-deheb u tnejn tal-fidda fl-aħħar ġurnata tal-atletika

(Ritratt: Kumitat Olimpiku Malti)

Sodisfazzjon fl-aħħar ġurnata tal-atletika hekk kif illum intrebħu żewġ midalji tad-deheb u żewġ midalji tal-fidda. B’hekk it-total ta’ midalji miksuba fit-tlett ijiem tal-atletika huma erba’ midalji tad-deheb, tlieta tal-fidda u tlieta tal-bronż.

Lisa Marie Bezzina rebħet it-tieni midalja tad-deheb tagħha f’din l-edizzjoni meta wara li rebħet il-5,000 metru, ilbieraħ rebħet l-10,000 metru meta daħlet f’ħin ta’ 35:39.01. Roberta Schembri ħadet sehem fl-istess tellieqa u spiċċat fis-sitt post.

L-istess għamel Jordan Gusman li iżda kiseb it-tielet midalja tiegħu. Hu rebaħ l-10,000 metru f’29:49.43, minuta u tliet sekondi qabel Marcos Sanza Arranz tal-Andorra. Luke Micallef temm fis-seba’ post fl-istess tellieqa.

Ian Paul Grech temm din l-edizzjoni b’żewġ midalji wara li kiseb il-fidda fit-Triple Jump b’qabża ta’ 15-il metru, riżultat li fisser ħames ċentimetri bogħod mir-rekord nazzjonali. Grech wera titjib sinifikanti minn sentejn ilu hekk kif kiseb bronż fil-Long Jump u tejjeb minn bronż għal fidda fit-Triple Jump.

Claire Azzopardi kisbet il-midalja tal-fidda fit-Triple Jump b’qabża ta’ 12.30 metri. Għal Azzopardi din mhix l-ewwel midalja f’dawn il-Logħob hekk kif fl-2015 fl-Iżlanda, kisbet il-fidda fit-tim u l-bronż fil-floor fil-ġinnastika. Fl-istess kompetizzjoni, Rebecca Sarè spiċċat il-ħames b’qabża ta’ 11.86 metri.

Diżappunt għal Charlotte Wingfield li fil-finali tal-200 metru spiċċat fir-raba’ post b’ħin ta’ 24.66 sekonda. B’hekk hi spiċċat din l-edizzjoni mingħajr midalja wara li sentejn ilu f’San Marino kienet kisbet żewġ midalji tad-deheb.

It-tim tal-4×100 metru naqas li jikseb tal-anqas midalja tal-bronż hekk kif spiċċaw fir-raba’ post f’47.92, fost protesti tal-atleti Maltin minħabba li sostnew li ma kinux avżati.