Sport

GSSE 2019: Il-bidu tajjeb kien indikazzjoni li llum il-ġurnata tiegħi – Gianluca Chetcuti

It-tiratur Malti Gianluca Chetcuti esprima s-sodisfazzjon tiegħu wara li kiseb il-midalja tad-deheb. F’kumment ma’ dan is-sit, Chetcuti qal li għen ħafna l-bidu tajjeb li kellu u li kienet indikazzjoni li llum il-ġurnata tiegħu u kapaċi jġib il-midalja għal Malta.

Chetcuti sostna li l-fatt li kien qed jiddefendi t-titlu, ħass naqra pressjoni, iżda sostna li hu ma kellux pressjoni minn dawk involuti fil-Kumitat Olimpiku jew il-federazzjoni u l-kowċis.

Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena kien fit-tieni grupp ta’ tiraturi u allura kien jaf x’qed jiġri fil-grupp ta’ qabel. “Meta kont naf li t-tiraturi minn Ċipru u San Marino kienu warajja, tefgħu ftit pressjoni imma ħadtha bħala vantaġġ.” Hu żied li forsi ħadmet kontrih il-fatt li kien jaf bid-distakk li għandu qabel l-aħħar rawnd.

“Kont naf li kelli ċertu ammont ta’ plattini, imma fl-aħħar rawnd tfajt naqra pressjoni żejda fuqi nnifsi, però minn dawn l-iżbalji nitgħallem.” Chetcuti ammetta li għamilha ftit aktar diffiċli biex jikseb id-deheb wara li fl-aħħar rawnd falla ħames plattini. Għal Gianluca Chetcuti dan is-suċċess hu awgurju mill-aqwa hekk kif fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jagħmel l-eżamijiet akkademiċi.