Lokali

Jingħata l-aħħar tislima Michael Bonnici

“Persuna ta’ rispett, sinċier, u onest”

Kien dan kliem Dun Gordon Refalo fil-messaġġ li wassal hekk kif il-Ġimgħa ngħatat l-aħħar tislima lill-eks deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u eks Membru Parlamentari Nazzjonalista, Michael Bonnici li miet fl-età ta’ 74 sena.

Dun Gordon Refalo saħaq li matul ħajtu Michael Bonnici mexa mal-prinċipju li jħobb lil kulħadd filwaqt li ħadem mhux biss għall-familja tiegħu iżda anke ma’ nies li ma jafx.

Preżenti għall-funeral li sar fil-Knisja ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ kien hemm il-Kap tal-PN Adrian Delia, il-Viċi Kap tal-PN David Agius, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, fost diversi deputati oħra tal-PN u diversi qraba u ħbieb ta’ Michael Bonnici.

Michael Bonnici kien deskritt minn bosta bħala “ġentlom li tul ħajtu ħadem għal pajjiżu u raħal twelidu.” Hu dejjem kellu l-bieb miftuħ sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu mingħajr ma kien jara kuluri politiċi.

Michael Bonnici kien spiżjar u tela’ l-ewwel darba fil-Parlament fl-1987. Huwa serva bħala Membru Parlamentari sal-2003 u f’dan il-perjodu huwa kien ukoll deputat speaker. Fil-perijodu meta servia fil-Parlament, Michael Bonnici mexxa diversi delegazzjonijiet parlamentari fl-Ewropa fuq suġġetti varji.