Lokali Saħħa

Jiżdied il-mard marbut mat-tniġġis fl-arja

5 każi ġodda ta’ ażma kronika kuljum. Total ta’ 1,825 persuna li jiżviluppaw din il-kundizzjoni kull sena. Dan skont ċifri mgħotija mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li sal-ewwel ġimgħa ta’ Mejju ta’ din is-sena f’Malta kien hawn 26,429 persuna li jbatu minn ażma kronika. Mill-2017 ‘l hawn, in-numru ta’ persuni li bdew ibatu minn din il-kundizzjoni kien ta’ 3,889.

Mill-1 ta’ Jannar sal-lum mietu 105 persuna b’ażma akuta filwaqt li fis-sentejn preċedentii mietu 324 persuna kull sena b’mard marbut ma’ din il-kundizzjoni.

L-ażma għandha rabta diretta mal-kwalità tal-arja, u pajjiżna fil-fatt qed jibqa’ jirreġistra kwalità tal-arja dejjem agħar, tant li Malta sabet ruħha fit-tieni l-agħar post f’rapport li għamlet l-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-arja fil-pajjiżi membri.


Filwaqt li fil-pajjiżi l-oħra, il-medja ta’ CO2 fl-arja naqset bi 2.5%, f”Malta mhux talli ma naqsitx, imma talli il-livelli ta’ CO2 tela’ b’6.7%.

L-emissjonijiet tas-CO2 jew Carbon Dioxide f’pajjiżna joriġinaw fil-parti l-kbira tagħhom mit-traffiku u t-trasport.