Lokali

Tħassib serju għan-negozji barranin f’Malta

F’dik li qed tkun meqjusa bħala l-aħħar daqqa għall-banek f’Malta, riżultat tat-tnaqqis ovvju ta’ fiduċja fil-mod kif pajjiżna qed jittratta kwestjonijiet finanzjarji sensittivi, l-aħħar Correspondent Bank li miegħu kien qed jittratta l-Bank of Valletta jidher li se jkun qed ixolji r-rabtiet li għandu mal-Bank Malti.

Dan żvelah il-ġurnal Times of Malta fejn qed jispjega kif il-bank ING, li kien baqa’ l-aħħar bank li miegħu kien qed jittratta l-Bank of Valletta fid-dollaru Amerikan, issa wkoll se jieqaf milli jipprovdi dan is-servizz lill-BOV wara li Deutsche Bank waqqaf dawn it-transazzjonijiet sentejn ilu.

Il-Bank ING ġie mmultat €775 miljun f’Settembru wara li ammetta li xi kriminali keinu użaw kontijiet fi ħdanu biex jaħslu l-flus. Minn dakinhar il-bank beda b’eżerċizzju intensiv biex jitneħħa kull riskju.

Il-fatt li l-Bank of Valletta issa se jitħalla mingħajr Correspondent Bank tfisser inkwiet kemm għall-Bank kif ukoll għan-negozji barranin li jaħdmu bid-dollaru.

Il-Gvern Malti ta’ Joseph Muscat ilu jirċievi kritika qawwija għan-nuqqas ta’ azzjoni li qed jieħu f’dik li hi l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, bl-aħħar rapport ta’ kundanna jirċivieh propju lbieraħ mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Rapport li jiġi wara diversi oħrajn fosthom il-Kummissjoni Venezja, ir-Rapport Greco u l-Moneyval li għamlu l-istess kritika.