Liverpool huma ċ-Champions tal-Ewropa għas-sitt darba fl-istorja tagħhom wara rebħa, 2-0, fuq Tottenham Hotspur fil-finali taċ-Champions League li ntlagħbet fil-Wanda Metropolitano ta’ Madrid ( fi Spanja).
It-trijonf hu l-ewwel wieħed għar-Reds kemm ilhom taħt it-tmexxja tal-manager Ġermaniż, Jurgen Klopp, li fil-karriera tiegħu tilef is-sitt finali preċedenti li kien involut fihom ( bħala manager) u li kienu jinkludu żewġ finali taċ-Champions League.
Intant, l-eroj fir-rebħa ta’ Liverpool kienu l-prolifiku Mo Salah u s-sostitut Divock Origi, b’gowl f’kull taqsima. Mill-banda l-oħra, Tottenham iridu jħarsu lura lejn l-ewwel finali tagħhom f’din il-kompetizzjoni b’sens ta’ diżappunt avolja kellhom ħafna pussess tul id-90 minuta.
Qabel il-logħba, in-nies kollha fil-grawnd ipparteċipaw f’minuta ta’ applawż b’apprezzament għall-memorja ta’ Jose Antonio Reyes, l-eks plejer ta’ Seville, Arsenal u Real Madrid, li kien tilef ħajtu traġikament (flimkien ma’ persuni oħra) b’kaġun ta’ inċident tat-traffiku, aktar kmieni fil-ġurnata.
Intant, il-bidu tal-konfront ma setax ikun aktar drammatiku b’Liverpool jirbħu penalty wara biss minuta meta Sadio Mane ipprovda cross għal ġol-kaxxa, bil-ballun jaħbat ma’ idejn Sissoko u bir-referi, Damir Skomina, jipponta lejn il-ħdax-il metru – sekondi qabel ikkonferma d-deċiżjoni wara li kkonsulta mal-VAR.
Inkariga ruħu Mo Salah, li b’xutt missila għar-rokna ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Hugo Lloris – 1-0 lir-‘Reds’ u bil-logħba mal-ewwel tibda għat-telgħa għal Spurs.
Tottenham, għalkemm maħsuda, ħarġu jfittxu draw kmieni iżda minkejja li kellhom ħafna mill-pussess damu biex jheddu serjament il-lasta ta’ Alisson. Dan waqt li Liverpool bdew joperaw il-kontra-attakki fejn kellhom is-soliti difensuri Alexander-Arnold u Robertson itellgħu l-blalen bl-overlap – u bl-attakkanti Salah u Mane jippruvaw jisfruttaw l-ispazju mill-aħjar li setgħu.
Fit-23 minuta l-attakkant Korean ta’ Spurs, Son Heung-min, kellu ċans li jdur ma’ Van Dijk għal opportunità tajba ta’ skor iżda d-difensur Olandiż irkupra fil-ħin u ċ-ċans intelef.
Imbagħad kien imiss lil Robertson li jmur qrib għal Liverpool meta l-full-back avvanza u venven xutt minn tarf il-kaxxa b’Lloris isalva għal korner.
Il-logħob minn dak il-ħin baqa’ pjuttost staġnat f’nofs il-grawnd iżda fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima, Spurs tellgħu kontra-attakk perikoluż bi tliet attakkanti – Dele Alli, Son u Harry Kane – jikkonfrontaw lil tliet difensuri tar-Reds, qabel Alli żbalja fil-pass lil Kane, biċ-ċans jisfuma.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Tottenham kellhom ċans tajjeb ieħor meta Christian Eriksen ħoloq spazju għal xutt minn tarf il-kaxxa, iżda d-Daniż spara banalment għoli minn pożizzjoni tajba – bir-referi Skomina jsaffar it-tmiem tal-ewwel 45 minuta.
Fit-tieni taqsima, Tottenham dehru li biddlu t-tattika għal waħda aktar offensiva, b’Harry Kane u Son jagħmlu minn kollox biex jippenetraw id-difiża dixxiplinata tar-Reds li bdew jidhru kawti ħafna fil-logħob tagħhom.
Spurs komplew jagħfsu, b’Son u Alli jikkombinaw tajjeb bejniethom u b’Liverpool – immexxija minn Van Dijk – jagħlqu tajjeb l-ispazji.
Intant, Tottenham komplew itellgħu l-attakki, b’Son — l-aktar plejer perikoluż għalihom – isib lil Alli li ra x-xutt bid-dawwra tiegħu salvat minn Alisson. Son, imbagħad, kien il-protagonista ta’ azzjoni personali, b’Van Dijk jixħet il-ballun għal korner b’diffikultà.
Iċ-ċansijiet għal Tottenham baqgħu ġejjin, b’Alisson jinxteħet minn tulu għax-xutt mill-bogħod ta’ Son, bil-gowlkiper Brażiljan, sekondi wara, jiċħad lis-sostitut ta’ Spurs Moura.
Liverpool kienu kuntenti li jiddefendu u Tottenham reġgħu marru qrib bi freekick ta’ Eriksen, ħames minuti mit-tmiem, b’Alisson jerġa’ isalva għal korner.
Iżda bħalma jiġri ta’ spiss fil-futbol, kienu r-Reds li kellhom l-aħħar kelma, bit-tieni gowl deċiżiv għal Liverpool jasal wara 87 minuti mis-sostitut Divock Origi li – f’kontra-attakk rari — irċieva mingħand Matip u, b’kalma kbira. għeleb mill-ġdid lil Lloris b’xutt preċiż għar-rokna biex ta bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji tar-Reds.
Il-Formazzjonijiet:
Tottenham: Lloris; Trippier, Alderweireld, Vertonghen, Rose; Winks (Lucas Moura, 66), Sissoko (Dier, 74), Alli (Llorente, 82); Eriksen, Son, Kane
Liverpool: Alisson, Alexander-Arnold, Robertson, Van Dijk, Matip; Fabinho, Henderson, Wijnaldum (Milner, 62); Mane (Gomez, 90), Salah, Firmino (Origi, 58)
Referi: Damir Skomina (Slovenja)
//= $special ?>