Internazzjonali

Fl-Istati Uniti: 12-il persuna mejta wara li raġel jiftaħ in-nar; jinqatel mill-pulizija

Minn tal-inqas, 12-il persuna nqatlu u oħrajn indarbu wara li raġel armat spara bla ħniena f’binja tal-Gvern fl-istat ta’ Virginia.

Il-Pulizija qalu li s-suspettat, li l-identità ma ġietx imxandra, spara f’binja pubblika. Erba’ uffiċjali tal-pulizija sparaw fuq ir-raġel, u dan ġie ddikjarat mejjet l-isptar. Uffiċjal minnhom indarab f’din it-taqtigħa, iżda kien liebes sidrija bulletproof apposta, li salvatlu ħajtu.

L-awtoritajiet qalu li l-aggressur huwa ħaddiem taċ-Ċentru Muniċipali ta’ Virigina, fejn seħħew l-isparaturi. Il-pulizija ta’ Virginia qalu li s-suspettat kellu arma armata b’apparat biex ma tagħmilx ħoss meta jkun hemm sparatura. L-ewwel vittma nqatlet barra, qabel is-suspettat daħal ġewwa u beda jispara kif ġie ġie.

Dawk li rnexxielhom isalvaw irrakkuntaw x’pandemonju nqala’ malli r-raġel beda jispara, hekk kif il-ħaddiema bdew jiġru u jippruvaw jinħbew.

Il-pulizija ta’ Virginia qalu li bħalissa għandhom iżjed mistoqsijiet milli tweġibiet dwar x’kienet ir-raġuni għal dan l-attakk.