Sport

GSSE 2019: Fidda għal Elaine Genovese u Francesca Curmi wara telfa fil-finali kontra ċ-Ċiprijotti

Il-koppja Maltija magħmula minn Elaine Genovese u Francesca Curmi kellha tikkuntenta bil-midalja tal-fidda wara li kienu megħluba minn Raluka Serban u Maria Siopacha 6-2, 6-3. Fil-ġurnata t-tim Malti ma kienx fl-aqwa tiegħu, bl-avversarji jkunu reattivi tul il-logħba. Fatt pożittiv minn din il-logħba kienet li diversi atleti Maltin minn dixxiplini differenti ġew jagħtu l-appoġġ tagħhom lit-tennisti Maltin.

Genovese u Curmi kellhom triq itwal biex waslu sal-finali hekk kif għelbu lill-koppja tal-Iżlanda u l-Montenegro. Fuq in-naħa l-oħra, iċ-Ċiprijotti daħlu mill-ewwel fis-semifinali u rebħu kontra l-Lussemburgu.

F’kummenti wara l-logħba, Elaine Genovese qalet li lbieraħ kellhom logħba tajba kontra l-avversarji minn Montenegro u saħqet li sfortunatament illum ma kellhomx l-istess prestazzjoni. Hi kompliet li fl-aħħar mill-aħħar xorta kuntenti li kisbu l-midalja tal-fidda.

Francesca Curmi fl-ewwel reazzjoni tagħha kkonfermat li s-semifinali kienet waħda mill-aqwa li qatt lagħbu flimkien. Hi kompliet li fl-opinjoni tagħha lagħbu tajjeb iżda l-avversarji kienu aħjar minnhom fil-ġurnata u anki f’xi mumenti l-fortuna ma kinitx fuq in-naħa tagħhom.

Dan l-isport kien l-aktar wieħed milqut f’din l-edizzjoni minħabba x-xita kontinwa li għamlet fl-ewwel jumejn. Genovese qalet li dan ħalla impatt fuqhom minħabba li l-anqas setgħu jitħarrġu u l-injury ta’ Matthew Asciak setgħet kellha effett fuq dan it-tibdil. Hi sostniet li dan it-tibdil kien għal kulħadd iżda huma kellhom sfida li jilagħbu aktar minn logħba waħda kuljum.