Sport

GSSE 2019: Issir iċ-Ċerimonja tal-Għeluq tat-18-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

(Ritratt: montenegro2019.me)

F’Ċerimonja qasira li saret fil-Villaġġ tal-Atleti f’Budva, ġiet uffiċjalment fi tmiemha t-18-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Zgħar li saru fil-Montenegro din is-sena. Preżenti l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach, il-Prim Ministru tal-Montenegro Dusko Markovic u diversi mistiedna distinti oħra. Bach kellu wkoll l-inkarigu li jippreżenta l-midalji lil dawk li spiċċaw fl-ewwel tliet postijiet fil-kompetizzjonijiet tat-tennis, basketball u volleyball.

Għal kuntrarju tal-aħħar edizzjoni li saret f’San Marino, minflok attenda għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ, Thomas Bach attenda għaċ-Ċerimonja tal-Għeluq. Kif tradizzjonalment isir, il-President tal-Kumitat Olimpiku tal-pajjiż ospitanti l-Montenegro, jiġifieri Dusan Simonovic, għaddew il-bandiera Olimpika tal-Logħob lill-Kumitat Olimpiku ta’ Andorra li sentejn oħra se jorganizzaw id-19-il edizzjoni.

Il-bandiera Maltija llejla nġarret mill-atleta Lisa Marie Bezzina, friska mis-suċċess doppju fil-5,000 metru u l-10,000 metru.