LUSSEMBURGU………. 76 MALTA…………………….. 58
(18-8, 20-13, 16-21, 22-16)
It-tim nazzjonali tan-nisa ddiżappunta hekk kif tilfu l-aħħar logħba tagħhom li kienet deċiżiva biex jippruvaw jiksbu l-midalja tal-bronż. Huma kienu megħluba mil-Lussemburgu li kienu huma li rebħu l-bronż. B’hekk spiċċaw ir-raba’ wara li sentejn ilu kienu kisbu l-midalja tad-deheb.
It-tim Malti kellu vantaġġ bikri fil-logħba iżda wara li l-Lussemburgu ħadet il-vantaġġ lejn nofs l-ewwel perjodu, baqgħu fil-vantaġġ sa tmiem il-logħba. Huma temmew l-ewwel għaxar minuti b’vantaġġ ta’ għaxar punti.
Kristy Galea naqqset id-distakk għal tmien punti fil-bidu, iżda l-Lussemburgu kisbu disa’ punti konsekuttivi biex ġrew bil-logħba. Il-vantaġġ baqa’ jikber gradwalment u daħlu jistrieħu 38-21 minn fuq.
Fil-bidu tat-tielet perjodu, deher li seta’ kien hemm reazzjoni mit-tim ta’ Angela Adamoli b’ħames punti minn Sarah Pace u Amelia Simmons sakemm l-avversarji reġgħu stabbilixxew il-vantaġġ tagħhom. Dan minkejja li n-nisa Maltin baqgħu jemmnu li jsalvaw il-logħba, tant li rebħu l-perjodu u bdew l-aħħar għaxar minuti b’distakk ta’ 12-il punt.
Iżda s-saħħa fil-ġurnata tal-Lussemburgu kienet wisq għall-isforzi Maltin hekk kif ikkontrollaw il-logħba, bit-tim Malti jnaqqas id-distakk tat-telfa lejn it-tmiem bi tliet punti ta’ Patricia Arguello u erba’ punti ta’ Amelia Simmons.
Malta: S. Pace (14), A. Simmons (11), S. Brincat (7), P. Arguello (7), G. Mifsud (6), S. de Martino (5), M. Bonett (4), K. Galea (2), A. van Vliet, S. Abela, M. Borg, C. Curmi
//= $special ?>