Sport

GSSE 2019: Sodisfatt ħafna b’dak li kisbu l-atleti – Ivan Balzan, Direttur tal-Isport

Id-Direttur tal-Isport fil-Kumitat Olimpiku Malti Ivan Balzan jinsab sodisfatt ħafna b’dak li kisbu l-atleti Malti fit-18-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. F’kummenti ma’ dan is-sit, Balzan iħoss li l-atleti rrispondew tajjeb għad-domanda li jagħtu l-aħjar tagħhom.

“Min ġab riżultat pożittiv stennejtu, konna nafu għax aħna nsegwu l-atleti u ma kontx sorpriż. Jien qatt ma nkun diżappuntat bi plejer, għaliex atleta jagħmel snin u xhur jipprepara. Biss dan hu sport u affarijiet jistgħu jiġru fil-ġurnata.”

Minkejja dan, Balzan jemmen li setgħu nkisbu aktar midalji fejn fosthom semma l-injury ta’ Matthew Asciak li fi kliem Balzan “kien iġib żewġ midalji garantiti. Hu kompla li fl-aħħar konferenza stampa qabel dawn il-Logħob, kien qal li se jġibu midalji aħjar, kif ġara.

Madankollu dan ma jnaqqasx mill-fatt li setgħu nkisbu aktar midalji, speċjalment minn atleti li kien mistenni aktar minnhom fosthom Charlotte Wingfield, Isaac Bezzina u Amy Micallef. Balzan qal li Wingfield bdiet iġġib il-ħinijiet lejn l-aħħar iżda saħaq li atleta valida ħafna. Dwar Bezzina, qal li kien hemm xenarju naqra stramb li tilef il-bronż wara li kellu Ippon ċara u ma ġietx meħuda.

F’din l-edizzjoni kien hemm diversi żgħażagħ li ħadu sehem biex jiksbu l-esperjenza bi preparazzjoni għall-edizzjoni tal-2023 li se ssir f’pajjiżna. “Jien dejjem nemmen li jekk ma tiħux iż-żgħażagħ miegħek, jiġi l-futur ma’ wiċċek u ma tkunx preparat. Allura nemmen ħafna u se nibqa’ nagħmel hekk li ntella’ ż-żgħażagħ biex jieħdu dawn l-esperjenzi ta’ dawn il-Logħob.”

Balzan saħaq li jrid jitkompla l-investiment fiż-żgħażagħ u żied li fejn se jittieħdu dawn iż-żgħażagħ promettenti jekk ma jipparteċipawx f’dawn il-Logħob. Ivan Balzan għamel referenza wkoll għat-table tennis u l-judo fejn qal li kien hemm investiment fihom u għalkemm fit-table tennis ma ntrebħux midalji, f’din l-edizzjoni sar il-pedament.

Id-Direttur tal-Isport kellu wkoll kliem pożittiv għall-kowċis. “Ħdimna tajjeb flimkien mal-kowċis u l-federazzjonijiet. Anki hawn fil-villaġġ stess, kien hawn l-għaqda u l-professjonalità. Kif għidt fuq l-atleti li jagħmlu żmien twil jippreparaw, l-istess il-kowċis. Kellna ħafna laqħat informali magħhom u nemmen fihom. Huma jafu l-atleti minn huma. Minn jien biex niddeċiedi fuqhom?” temm Balzan.