Il-fiżjoterapisti qed jappellaw lill-Gvern biex jindirizza diversi problemi u nuqqasijiet li qed ikollhom jaffaċċjaw ta’ kuljum waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-fiżjoterapisti nnutaw li ġimgħa ta’ azzjonijiet fid-dipartiment tagħhom ma wasslu għall-ebda azzjoni mill-Gvern Laburista … azzjonijiet li kienu ordnati mill-Union tal-Infiermiera u l-Qwiebel, l-MUMN.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Fiżjoterapisti, Maria-Louisa Busuttil li ffirmat l-ittra, iddikjarat is-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija li jinsab fi ħdan l-Isptar San Luqa bħala waħda tal-biża’ u li mhix adattata la għall-pazjenti u lanqas għall-ħaddiema.
Fost l-azzjonijiet li jinsabu fis-seħħ, hemm l-ordni li l-fiżjoterapisti ma jarawx pazjenti ġodda u lanqas jassistu fi kliniċi li jinsabu barra minn dan l-isptar. Mhux jagħmlu lanqas klassijiet ta’ eżerċizzju fl-Amputee Rehab Unit.
Id-deċiżjoni ttieħdet anke għaliex l-istandards fl-Isptar San Luqa, illum il-ġurnata taħt it-tmexxija ta’ Stewart, qed jitqiesu tali li ma jilħqux l-istandards neċessarji u saħansitra hemm riskju ta’ sigurtà għall-klijenti u l-impjegati.
Hu kkalkulat li ta’ kulju, dan id-dipartiment jara mat-300 pazjent kuljum, li jfisser iktar minn 75,000 persona fis-sena. Minkejja dan, ma sar l-ebda investiment fl-aħħar snin u b’hekk il-fiżjoterapisti spiċċaw jaraw kif se jaħdmu b’dak li fadlilhom.
Tant hu hekk li għal xhur, il-pazjenti li suppost jużaw treadmill biex jitgħallmu jimxu mill-ġdid ma setgħux jagħmlu dan għax l-unika treadmill disponibbli ilha xhur ma taħdimx.
Minflok, kienu kostretti jużaw kuritur bil-madum imkisser biex jagħmlu l-eżerċizzji neċessarji.
Minkejja dan kollu, u minkejja d-direttivi, id-diriġenti ta’ Stewart Healthcare għadhom jippruvaw jirbħu l-ħin u naqsu milli jagħtu data speċifika dwar meta se jkun ippreżentat pjan ta’ azzjoni dwar dan id-dipartiment.
Tant hu hekk li, f’kummenti lit-Times of Malta, kelliema għal Stewart iddikjarat li hemm bżonn li jiġi ddedikat biżżejjed żmien biex ikun ippreżentat pjan għad-Dipartiment.Il-Gvern s’issa injora mistoqsijiet tal-istess ġurnal dwar din il-kwistjoni.
//= $special ?>