Magazin influwenti Amerikan jgħid illi kieku dan ir-rapport kien dwar kwalunkwe pajjiż ieħor fl-Ewropa tal-Punent kienu jtiru l-irjus u l-Gvern jikkollassa
The Atlantic, magazin influwenti Amerikan, li għandu wkoll il-websajt tiegħu tal-aħbarijiet, ikkummenta bl-aktar termini iebsa dwar ir-rapport approvat minn kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa din il-ġimgħa f’Pariġi, li fih hemm rendikont ġenerali ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern Malti anki b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan ir-rapport ta’ The Atlantic, bit-titlu ‘A journalist was killed in an EU country. Why has no one been caught?’ jidħol fil-mertu tar-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa u jenfasizza dik il-parti fejn jingħad li s-saltna tad-dritt (rule of law) f’Malta qed tkun imminata serjament minħabba fid-dgħufija estrema fis-sistema ta’ checks and balancies.
L-aktar parti iebsa tal-artiklu ta’ The Atlantic hi fejn jitkellem dwar kif pajjiżi oħrajn qed iħarsu lejn is-sitwazzjoni preżenti f’Malta. L-artiklu jgħid testwalment hekk:
“If the report had been about any other country in western Europe, heads would roll, governments would collapse and the international community might consider the country a pariah (pajjiż iżolat fil-komunità internazzjonali). Instead, the report was about Malta, the smallest member of the European Union. Why should anyone care?”
Waqt li jikkwota partijiet estensivi mir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, The Atlantic jirreferi għall-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar il-fatt li waqt li l-‘ħut iż-żgħir’ jinsab għaddej proċess ġudizzjarju, il-‘ħut il-kbir’ għadu ma nqabadx.
Meta reġa’ tkellem dwar is-sitwazzjoni f’Malta, The Atlantic jgħid li “Malta is one of the weakest leaks in Europe.” Isemmi wkoll sorveljanza laxka tal-banek kontra l-ħasil tal-flus u sistema ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza lil individwi sinjuri li tagħmilha faċli biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea.
Il-konklużjoni dwar dan f’The Atlantic hi: “Malta is a grim example of how a European country has fallen dramatically short on the rule of law. It is also a prime example of the failure of EU institutions to do much about that.”
■ The Atlantic, fil-forma stampata tagħha, għandha ċirkolazzjoni ta’ aktar minn nofs miljun ruħ waqt li l-verżjoni online hi segwita minn miljuni madwar id-dinja.
//= $special ?>

