Lokali Parlament

L-Eżekuttiv tal-PN jivvota biex Jean Pierre Debono jiġi co-opted fil-Parlament

David Stellini kien irriżenja minn deputat aktar kmieni din il-ġimgħa

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista vvota favur li Jean Pierre Debono jimla’ l-post battal fil-Parlament minn David Stellini. Għal din il-pożizzjoni, wera l-interess tiegħu wkoll il-Kandidat Kevin Cutajar.

Hi proċedura mitluba mill-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, li l-għażla ta’ persuna biex tkun co-opted fil-Parlament issir b’elezzjoni sigrieta fost il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv. Il-votazzjoni ssir wara preżentazzjoni mill-persuni interessati u diskussjoni fost dawk preżenti.

Waqt l-istess laqgħa, il-Kumitat Eżekuttiv iddiskuta wkoll ir-riżultati elettorali wara l-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda. Fi stqarrija, ingħad li l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit ħa nota ta’ dawn ir-riżultati u, filwaqt li rrikonoxxa t-telfa kbira li kiseb, ikkommetta ruħu li jifhem sew il-messaġġ mibgħut mill-elettorat.

Din il-pożizzjoni kienet spjegata wkoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li, fi tmiem il-laqgħa, qal lill-media li l-Partit qed jikkommetti ruħu li jisma’ aktar lin-nies u jara li l-messaġġ tal-poplu jasal aktar għand il-Partit, daqskemm kif il-messaġġ tal-Partit jasal aħjar għand il-poplu.

Sadanittant, fil-bidu tal-laqgħa, Mark Anthony Sammut ħabbar li kien qed jirriżenja mill-kariga tiegħu fit-tmexxija tal-Kumitat Eżekuttiv.

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia talab lill-Kumitat Eżekuttiv jagħti vot ta’ fiduċja lil Mark Anthony Sammut. Dan għadda b’mod unanimi, iżda Sammut tenna l-pożizzjoni tiegħu li jirriżenja mill-kariga.