Id-diskrepanza fl-ammont tal-pensjoni bejn pensjonanti nisa u irġiel f’Malta hi l-ikbar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan joħroġ minn rapport ippubblikat fl-aħħar jiem, li juri kif Malta u l-Olanda għandhom l-ikbar diskrepanzi fil-pensjonijiet tagħhom meta wieħed iqabbel dak li jirċievu l-pensjonanti abbażi tal-ġeneru.
Skont dan ir-rapport, in-nisa Maltin isofru minn diskrepanza negattiva ta’ iktar minn 45% meta mqabbel ma’ dak li jirċievu l-irġiel. Dan meta, fuq livell Ewropew, id-diskrepanza medja hi ta’ 37%.
Ta’ min jinnota li l-pensjoni hi akkumulata fuq il-ħajja tal-istess pensjonanti, hekk kif id-diskrepanza hi riflessa fuq il-paga u l-qligħ tal-individwi matul ħajjithom.
Dan hu riżultat ta’ diversi fatturi, fosthom li n-nisa qed jingħataw xogħol fi gradi iktar baxxi minn dik tal-irġiel, b’pagi iktar baxxi, jaħdmu għal tul ta’ ħin itwal, jieħdu pawżi iktar fit-tul matul il-karrieri tagġhom kif ukoll li hemm ċans ikbar li jagħżlu xogħol part time biex ilaħħqu mal-ħajja tal-familja wkoll.
L-aħjar mill-pajjiżi Ewropej hi l-Estonja, fejn id-differenza bejn il-pensjoni li jirċievu n-nisa u l-irġiel hi biss ta’ 2%.
Dan ir-rapport ikompli jorbot fuq statistika oħra li turi kif, in-nisa Maltin jaqilgħu 11% inqas mill-irġiel li jagħmlu l-istess xogħol.
//= $special ?>