Irridu nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet mhux biss fl-interess tal-Partit, iżda wkoll tal-pajjiż.
Din kienet ir-reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li matulha mtela’ post battal fil-Parlament u kienu diskussi r-riżultati elettorali tas-Sibt li għadda.
Hu għamel referenza għal bidliet li qed jittieħdu fil-Partit u f’dawk li, taħt it-tmexxija tiegħu, għadhom iridu jittieħdu bi trankwillità. Tenna li fid-dawl tal-elezzjoni elettorali “ċar tal-ġimgħa li għaddiet”, il-Partit Nazzjonalista jrid jitbiddel u għalhekk, iridu jsiru l-proċeduri meħtieġa kollha biex it-tibdil isir verament.
Adrian Delia qal li l-bibien tad-Dar Ċentrali huma miftuħin biex il-Partit jilqa’ lil kulmin irid ikun parti minn dan il-proċess. Min-naħa l-oħra, qal li l-Partit se jibqa’ għaddej bil-pjan tiegħu anke fil-konfront ta’ dawk li ma jridux ikunu parti.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit irid jifli u jitgħallem mill-messaġġ tal-elettorat fl-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda. B’hekk ikun jista’ jifhem aħjar is-sinjali li l-poplu jrid iwassal bil-vot tiegħu.
Qal li l-poplu jħoss li l-Partit m’għadx għandu xi jedd li jkun fil-Gvern, iżda li jkun fl-Oppożizzjoni, filwaqt li jkompli jinbidel qabel ma jkun jista’ jiddikjara lilu nnifsu bħala l-Gvern Alternattiv.
Adrian Delia esprima s-sodisfazzjon tiegħu li wara l-waqfa għall-għarrieda u mhux tas-soltu li l-Gvern ordna lill-Parlament jagħmel għall-jiem tal-elezzjonijiet, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jerġa’ jkun lest minkejja li wieħed minnu rriżenja ftit tal-jiem ilu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm billi qal li hu dejjem kien lest għal kull skrutinju. U ladarba jkun għamel xogħolu, jibqa’ fil-kariga ladarba t-Tesserati tal-Partit jiddeċiedu li għandu jkompli jagħmel dan.
//= $special ?>