“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun vuċi soda għall-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew u se jibqa’ jikber fil-Partit Popolari Ewropew li huwa l-ikbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Adrian Delia qal li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew se tkun Roberta Metsola. Huwa awgura kemm lil Roberta Metsola kif ukoll lil David Casa li ġew eletti fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Adrian Delia qal li qiegħed jiltaqa’ wkoll mal-kandidati l-oħrajn li kkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u li ma ġewx eletti u li diġà urew li lesti li jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom, u b’ħidmithom jibqgħu jagħmlu l-ġid lill-pajjiż u lil partit.
Adrian Delia qal li sema’ l-għajta tan-nies, li l-messaġġ tagħhom huwa ċar li l-PN għadu ma nbidilx biżżejjed u huwa deterimat li t-tibdil kollu li hemm bżonn li jsir fil-partit isir. Huwa qal li l-poplu qed jgħid lill-PN biex ibiddel aktar, jagħmel aktar ristrutturar u jiftaħ iżjed il-bibien għal uċuħ ġodda, li jagħtu kontribut biex il-PN jibqa’ jsib l-għeruq tiegħu imma wkoll jagħti frott ġdid.
Adrian Delia rringrazzja lil David Stellini, li rreżenja mill-Grupp Parlamentari, għax-xogħol li għamel fil-Parlament u fil-partit. Wara elezzjoni demokratika, l-Kumitat Eżekuttiv ddecieda dwar il-co-option tas-siġġu Parlamentari vakat minn David Stellini, u li dan jingħata lil Jean Pierre Debono. Għal din il-kariga tressqu żewġ nominazzjonijiet, ta’ Kevin Cutajar kandidat fuq it-13-il distrett u l-oħra ta’ Jean Pierre Debono kandidat fuq is-7 distrett. Adrian Delia wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jsaħħaħ il-vuċi ta’ Għawdex u se jibqa’ jiltaqa’ mal-Għawdxin. Huwa qal li l-PN huwa l-partit ta’ Għawdex, li jrid li l-Għawdxin ma jibqgħux jiġu injorati mill-Gvern fit-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda li jkunu l-Għawdxin stess li jiddeċiedu għal Għawdex.
Il-Kap tal-PN qal li riżultat ta’ elezzjonijiet m’għandux inaddaf il-ħsara li l-Gvern għamel lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan meta rapporti internazzjonali fosthom tal-Kunsill tal-Ewropa jgħidu b’mod ċar li l-Prim Ministru għandu wisq poteri u li prattikament jagħżel kollox hu. Huwa qal li l-investituri barranin ma jarawx biss ir-riżultat ta’ elezzjoni imma wkoll id-demokrazija, s-saltna tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna. Adrian Delia qal li l-PN se jibqa’ jagħmel it-tibdil li huwa meħtieġ biex jasal għand in-nies iżda bħala Oppożizzjoni se jkollu wkoll is-saħħa u l-kuraġġ li jibqa’ jitkellem u jiddefendi l-interess tal-poplu.
//= $special ?>