Lokali

Misruqa u ingannata bi ħlas ta’ 7ċ għal kull unit

Individwi li investew l-eluf tal-ewo f’sistema tal-pannelli u li ffirmaw ftehim mal-Korporazzjoni Enemalta għal ħlas ta’ 22ċ jew 28ċ issa qed jirriżultalhom li għall-partijiet mill-units tagħhom mibjugħa lill-Gvern qed jitħallsu biss 7ċ għal kull unit.

Dawn l-individwi, irrabjati għaliex qed jirrealizzaw li l-Gvern ingannahom, qalulna li dan il-prezz ifisser li l-Korporazzjoni Enemalta qed tħallas l-istess prezz li jiġi lilha u huma m’huma qed jagħmlu ebda gwadann. Għamlu

Dawn il-persuni fissrulna li biex huma għamlu s-sistema tal-pannelli, kellhom joħorġu investiment ġmielu fid-diversi aspetti tiegħu biex illum fuq il-bjut jew f’partijiet oħra tal-propjeta tagħhom għandhom is-sistema tal-pannelli.

Fost l-oħrajn huma kienu ffirmaw kuntratt mal-Korporazzjoni Enemalta biex kull unit li huma jbigħu jingħataw ħlas ta’ 25ċ jew 28ċ, jiddependi minn meeta sar il-kuntratt.

Issa fil-kont tad-dawl u l-ilma, li fih hemm il-ħlas tal-Korporazzjoni Enemalta, għal dawn l-individwi qed jifher li għal parti minn dawn il-units mibjugħa huma qed jitħallsu biss 7ċ li hi deskritta minnhom bħala ingann u daħk fil-wiċċ.

Dawn l-individwi privati huma għal kollox urtati b’din il-mossa tal-Gvern, aktar u aktar meta ma saru ebda konsultazzjoni magħhom. Fi ftit kliem, dak li qed tagħmel il-Korporazzjoni Enemalta fil-kontront tagħhom hu ksur sfaċċat tal-kuntratt.

F’dan l-abbuż jirriżulta li qed jingidmu mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li qed jitħallsu b’rata ferm u ferm anqas.