Ewropa Lokali

Adrian Delia jaħtar lil Roberta Metsola Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew

Waqt intervista fuq NET FM, dalgħodu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li se tkun Roberta Metsola il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.

Hu ħabbar dan anke fid-dawl tal-appoġġ kbir li kisbet il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-ġimgħa li għaddiet. Adrian Delia qal li r-riżultat ta’ dawn elezzjonijiet wera’ biċ-ċar li dak li kienu qed jgħidu Joseph Muscat u l-Partit Laburista li l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalista kienu qed jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna ma twemminx.

Adrian Delia għal darboħra reġa’ feraħ lil Roberta Metsola u lil David Casa li ġew eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u stqarr li jixtieq jibqa’ jaħdem fil-qrib ma’ dawn iż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej. Hu saħaq li fix-xhur li ġejjin trid tingħata direzzjoni ċara ta’ fejn se jimxi il-Partit Nazzjonalista kemm fil-Partit Popolari Ewropew u kif ukoll fl-Ewropa.

Roberta Metsola kisbet 38,206 fl-ewwel għadd fl-elezzjonijiet tal-ġimgħa li għaddiet biex b’hekk ġiet eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista biex tibqa’ tirrappreżentah fil-Parlament Ewropew u tkompli l-ħidma li kienet bdiet fl-2013 meta ħadet postha għal-ewwel darba f’dan il-Parlament.