Futbol Sport

Antonio Governucci jinħatar Direttur Sportiv ta’ Ħamrun Spartans

Wara r-riżenja ta’ Gaetano Farruggio minn Direttur Sportiv ta’ Ħamrun Spartans, Replay żvela li Antonio Governucci se jinħatar f’din il-kariga mal-klabb. Hu aġent ta’ diversi plejers u meqjus fl-Italja bħala ‘Il Re del Calcio Campano.”

Jidher li d-diriġenza kienet qed tistenna r-riżenja ta’ Farruggio u għalhekk id-diskussjonijiet ma’ Governucci kienu ilhom għaddejjin. Minkejja li għad għandu 37 sena, Governucci ilu 15-il sena jaħdem fil-futbol fuq livell maniġerjali. L-akbar esperjenzi tiegħu huma fis-Serie C.

Intant, Replay żvela li fl-aħħar jiem Gżira United u Ħamrun Spartans kienu għaddejjin b’taħdidiet dwar it-trasferiment possibbli ta’ Kevin Tulimieri. Il-programm sportiv ta’ Net Television għamel kuntatt mal-President ta’ Gżira United Sharlon Pace li kkonferma l-aħbar, madankollu ddikjara li ma ntlaħaqx ftehim mal-plejer u għalhekk it-trasferiment mhux se jseħħ.

Minkejja dan, il-futur tal-plejer offensiv ta’ 27 sena jista’ jkun bogħod minn Ħamrun, hekk kif jidher li l-plejer wera x-xewqa li jitlaq. Ħamrun jidher li mhux se jagħmluha diffiċli jekk jirċievu l-ammont ta’ flus li jixtiequ għalih. Il-plejer Taljan kien meqjus fost l-aħjar barranin ta’ Ħamrun fl-istaġun li għadu kif intemm.