Sport

Diane Schembri u Keith ‘Speed’ Azzopardi se jikkompetu fil-Polonja u Franza rispettivament

L-atleti ta’ Team Noel Diane Schembri u Keith ‘Speed’ Azzopardi ser ikunu qegħdin jirrappreżentaw lil pajjiżna għal darba oħra, din id-darba fil-Polonja u Franza rispettivament taħt it-tmexxija ta’ Master Noel Mercieca. Diane Schembri ser tkun qed tieħu sehem fis-serata ‘Girl Power 8’ imtella’ mill-World Kickboxing Network nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju ġewwa Bedzin, Polonja.

Flimkien ma’ Schembri ser ikun hemm seba’ kompetituri oħra fejn ser ikunu qegħdin jissieltu f’kompetizzjoni knockout għall-World Kickboxing Network Championship Belt. Sabiex atleta tirbaħ din il-kompetizzjoni, hija trid tirbaħ total ta’ tliet ġlidiet fl-istess lejl. Il-kompetituri għal din is-serata ser ikunu:

Olga Gavrish (Ukrajna), Karolina Mlynik (Polonja), Diane Schembri (Malta), Vittoria Di Mauro (Italja), Marika Pagliaroli (Italja), Barbara Nalepka (Polonja), Wiktoria Mirecka (Polonja) u Katarzyna Jaworka (Polonja). Dawn il-ġellieda huma kollha bejn it-58 u t-62 kilogramm.

Ftit żmien wara, proprju fil-15 ta’ Ġunju, l-atleta professjonali Keith ‘Speed’ Azzopardi ser ikun qiegħed iħabbatha kontra l-Franċiż Jonathan Pastorino fis-serata ‘Full Contact Night’ f’Nice fi Franza. Ir-rebbieħ ta’ din il-ġlieda mistenni jkun inkurunat bit-titlu mondjali tal-World Kickboxing Network. Taqbida bħal din mistennija tkun twila tnax-il rawnd ta’ żewġ minuti kull wieħed.

Ġlieda li tirrikjedi taħriġ intensiv u livell għoli ta’ stamina. Azzopardi u Pastorino ser ikunu qed jiġġieldu fil-kategorija tas-60 kilogramm. Wieħed jista’ jara kemm lil Schembri kif ukoll lil Azzopardi jikkompetu fl-avveniment lokali Gladiators Fight Night XXIII nhar id-29 ta’ Ġunju fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin. Aktar dettalji fil-ġimgħat li ġejjin.