Lokali Qorti

Ħtieġa li jsir titjib fil-Qorti ta’ Għawdex

Meta kienet qed titkellem fl-ewwel seduta tagħha ta’ meta ġiet appuntata Imħallef, Joanne Vella Cuschieri filwaqt li rringrazzjajt lill-familja tagħha għall-għajnuna inkundizzjonata li jagħtuha, qalet li fl-esperjenza sabiħa li kellha li ħadmet fil-Qorti ta’ Għawdex, tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ titjieb fil-Qrati tal-Gżira Għawdxija.

Hija qalet li hemm nuqqas ta’ spazju kbir u mhux dehen li l-ħaddiema jaħdmu fl-umdita’. Hija qalet li minkejja dan kollu xtaqet tirringrazzja lill-istess ħaddiema għall-motivazzjoni tagħhom fix-xogħol. Quddiem awla kriminali mballata bl-Avukati, Imħallfin u eks Imħallfin, Maġistrat u eks Maġistrat, Avukati, membri tal-pubbliku u familjari tal-Imħallef il-ġdida.

Dr. Joanne Vella Cuschieri qalet li b’mod partikolari xtaqet tirringrazzja lil żewġha li minn dejjem kien u għadu ta’ spalla għaliha. Hija qalet li laħqet Avukat fis-sena 2001 u saret Maġistrat ħames snin ilu.

Saru kelmtejn ukoll minn naħa tal-President tal-Kamra tal-Avukati Louis De Gabriele, li filwaqt li ta merħba lill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri fl-okkażjoni tal-ħatra tagħha tenna li din hija ħatra magħmula mill-bank tal-Maġistratura.

Qal li l-Kamra tal-Avukati dejjem kienet tal-fehma li għandu jkun hemm ċertu bilanċ bejn ħatriet li jiġu mill-Maġistratura u dawk li jiġu mill-libera professjoni u mill-uffiżżju tal-Avukat Ġenerali.

Madankollu qal il-President m’hemmx dubju li ħatriet mill-Maġistratura jġibu ċertu serħan tal-moħħ, fis-sens li dak maħtur ikun diġa għadda mill-prova ġenerali bħala ġudikant, u jkun diġa għamel l-esperjenza tiegħu biex jgħaddi mill-faċi ta’ tranżizzjoni, ta’ bejn li jkun avukat għall-ġudikant fejn huwa neċċessarju d-distakk mill-partijiet.

Mhux kull avukat, bravu kemm hu bravu, huwa neċċessarjament maqtugħ għall-kariga u impenn rikjest minn ġudikant. “Jirriżulta liu inti din it-tranżizzjoni għamiltha b’suċċess,” qal l-Avukat De Gabriele. Qal li tul il-karriera tagħha fil-Maġistratura hija serviet f’kull qasam tax-xogħol ta’ Maġistrat, pero l-aktar li spikkat żgur li kienet il-prestazzjoni tagħha fil-Qorti ta’ Għawdex, fejn hi kienet ukoll tippresedi kawżi ċivili superjuri.

“Fi żmien pjuttost qasir li ħdimt bħala Maġistrat irnexxielek tikkaratteriżża l-prestazzjoni tiegħek b’effiżjenza, speditezza u preparazzjoni, anke fi qrati li jistgħu jkunu diffiċli.Irnexxielek tibni reputazzjoni li ma tħallix kawżi għas-sentenza mingħajr ma tagħti s-sentenza meta tkun skedata, li naqqast ħafna mill-“backlog” tal kawżi li wriet jew li ġew assenjati lilek, fosthom irnexxielek tiddeċiedi kawża li ilha pendenti fil-Qorti ta’ Għawdex għal aktar minn 40 sena.

“Dan is-sens ta’ impenn, dixxiplina u effiċjenza li wrejt fiż-żmien li okkupajt kariga ta’ Maġistrat jawgura tajjeb għall-karriera tiegħek bħala Imħallef u għall-amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’mod ġenerali,” qal il-President tal-Kamra tal-Avukati.