Inizjattiva tal-Ministru Helena Dalli, bit-tnedija tal-kumpanija All Welcome, ħolqot kontroversja sħiħa bi kważi kull kumment fuq il-midja soċjali jesprimi diżgust għal dak li tħabbar.
All Welcome hi kampanja li permezz tagħha stabbilimenti differenti jistgħu japplikaw biex jingħataw sticker u juru li persuni mill-komunità LGBTIQ huma merħba bihom.
Skont il-Ministru, din il-kampanja għandha tattira l-klijenti billi ttihom sens ta’ sigurtà.
Iżda l-kummenti fuq il-midja soċjali, inkluż dawk ta’ persuni li jiffurmaw parti mill-istess komunità, ikkritikaw din l-inizjattiva għaliex qalu li minflok jitneħħew it-timbri minn fuq dawn il-persuni, iktar qed jiżdiedu.
Kienu diversi dawk li nnutaw ukoll li bl-isticker jew le, l-ebda persuna jew stabbiliment ma’ jista’ jiddiskrimina ma’ xi ħadd abbażi tas-sess tiegħu. Filfatt id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru f’Malta tikklassifika bħala reat kriminali.
Filfatt, il-maġġoranza fuq il-midja soċjali ma setgħux jifhmu għaliex f’pajjiżna għandna bżonn sticker biex turi li xi ħadd hu merħba bih f’xi stabbiliment jew ieħor. Oħrajn staqsew meta f’pajjiżna kellna persuni parti mill-komunità LGBTIQ li ma kienx merħba bihom x’imkien jew ieħor.
Kien hemm min innota wkoll kif hu ironiku li f’pajjiżna niftaħru kemm ma nsibux problema b’persuni parti minn din il-komunità, iżda imbagħad kellna bżonn sticker mal-faċċata ta’ xi ħanut biex nuru dan.
Waqt li ħafna, fil-kummenti tagħhom, innutaw li sticker simili tgħodd għall-ħwienet li jaċċettaw l-annimali, u mhux bnedmin, fil-maġġoranza tal-kummenti kien hemm qbil li din hi hi inizjattiva offensiva.
Anke votazzjoni fuq il-grupp popolari The Salott, fuq Facebook, esprimiet b’mod ċar dak li jaħsbu l-Maltin u l-Għawdxin – iktar minn 400 vot kontra din l-inizjattiva għall-kuntrarju ta’ vot wieħed biss favur.
//= $special ?>
