Lokali

It-tassazzjoni lokali fuq l-aġenda tal-MCESD

Waqt laqgħa tal-MCESD, li saret it-Tnejn filgħodu, l-imsiehba socjali hadu sehem f’diskussjoni li fuq kollox iffukat fuq il-bżonn li pajjiżna jiddefendi r-reġim tat-tassazzjoni tiegħu.

L-MCESD, il-Kunsill Malti ghall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, hu kunsill konsultattiv iffurmat minn numru ta’ professjonisti, rappreżentanti ta’ min iħaddem u unions li għandu l-iskop li jifforma opinjonijiet u johrog b’rakkomandazzjonijiet lill-Gvern.

Fl-introduzzjoni lil-midja, intqal li hu ovju li pajjiżna jrid ikompli jissalvagwardja s-sistemà ta’ tassazzjoni tieghu fuq livell Ewropew.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Bugeja, responsabbli mill-Fondi Ewropej, fakkar li bir-Renju Unit barra mill-Unjoni Ewropea, pajjiżna jrid jaħdem dejjem eqreb mal-pajjiżi l-oħra Ewropej biex insalvaw is-sistemà ta’ tassazzjoni li għandu pajjiżna.

Fakkar li t-tassazzjoni hi l-unika għodda li fadallu pajjina biex nattiraw l-invstiment barrani u biex nilqgħu għax-xokkijiet ekonomiċi internazzjonali.

Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fakkar kif fil-passat, l-ewwel fabbriki li ġew f’pajjiżna għamlu dan għaliex Gvern Nazzjonalista offra l-eliminazzjoni tat-taxxa għal perjodu temporanju kif ukoll diversi inċentivi ta’ tassazzjoni.

Qal li għalhekk hu importanti li Malta tkompli tħares lejn l-interessi tagħha, li huma differenti minn dawk ta’ pajjiżi kbar u li fuq livell Ewropew qed jagħmlu pressjoni li tista’ tkun ta’ ħsara għal pajjiżna.

Dan minkejja li ftit tal-gimghat ilu l-istess Ministru kien stqarr ma Net News illi ma jistax izomm lill-Grupp tas-Socjalisti Ewropej milli joholmu b’taxxa komuni ghall-UE kollha.