Il-kordinatur politiku tal-PN Jean Pierre Debono preżenta ittra lill-Kap tal-PN Adrian Delia fejn infurmah li mhux se jaċċetta s-siġġu Parlamentari li kien ingħata lilu fi proċess demokratiku li sar fl-istrutturi tal-PN. Jean Pierre Debono kellu jiġi co-opted fil-Parlament illum, wara li intgħażel mill-Eżekuttiv tal-PN permezz ta’ votazzjoni s-Sibt li għadda.
F’kumment lil Net News, Debono saħaq li b’dispjaċir kbir mhux se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari, filwaqt li rringrazzja lil kull min wera fiduċja fih u tah l-appoġġ.
Jean Pierre Debono insista li l-PN tal-lum m’għadux jingħaraf iżda tenna li quddiem dan kollu huwa se jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-Kap tal-Patit Adrian Delia, u se jibqa’ jagħtu s-servizz tiegħu mingħajr kundizzjoni.
Jean Pierre Debono appella sabiex kull min hu ta’ rieda tajba f’dan il-mument eżidtenzjali għall-PN jersaq ‘il quddiem biex il-PN mill-ġdid ikun tassew Oppożizzjoni effettiva u eventwalment Gvern alternattiv waqt li jwarrab minn ħadnu l-elementi tal-politika ta’ għira, tal-kilba għall-poter akkost ta’ kollox u tal-mibegħda li fnewh tul dawn l-aħħar snin.
Il-kordinatur politiku tal-PN ikkummenta ukoll dwar l-elezzjoni tas-Sibt, u qal li qabel il-laqgħa tal-Eżekuttiv kemm hu kif ukoll Kevin Cutajar kellhom l-istess lista tan-nies li kellhom dritt għall-vot, u ħadd minnhom ma oġġezzjona għall-ebda isem li kien imniżżel.
Hu saħaq li hija gidba l-allegazzjoni li huwa b’xi mod immodifika il-lista biex iżid xi ismijiet bil-vot.
Jean Pierre Debono għamilha ċara li għall-kuntrarju ta’ dak qed jingħad fil-media, qatt ma sar ftehim verbali jew bil-miktub minnu u mill-Kap tal-PN Adrian Delia ma’ kandidati tas-7 distrett biex dawn ma jikkontestawx għall-ebda co-option. Huwa saħaq li kuntrarju għall-allegazzjonijiet li saru, il-paga tiegħu mill-Partit Nazzjonalista bl-ebda mod ma tinkludi fiha kumpens għall-fatt li hu ċeda s-siġġu Parlamentari tiegħu lil Adrian Delia biex isir Kap tal-Oppożizzjoni.
Debono temm jgħid li hemm numru ta’ individwi li ma aċċettawx ir-riżultat demokratiku tal-elezzjoni fejn ġie elett Kap tal-PN Adrian Delia u dawn issa qed jattakkaw lilu personalment minħabba l-fatt li kien hu li ċedielu s-siġġu Parlamentari tiegħu.
Jirriżenja t-Teżorier tal-PN
David Camilleri ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ Teżorier tal-PN. Dan għamlu wara l-kwistjonijiet li qalgħu xi wħud dwar il-vot fl-Eżekuttiv.
David Camilleri preċiża l-fatt illi meta mar jixħet il-vot tiegħu s-Sibt “altru milli saret b’xi mod malizzjuż”. Anzi qal illi kien hemm min induna u ma tkellimx apposta biex jaqla’ dan kollu wara l-votazzjoni u jagħmel ħsara kemm jiflaħ lill-Partit Nazzjonalista.
David Camilleri tenna l-lealta’ sħiħa tiegħu lejn il-Kap Adrian Delia u lejn il-PN.
