Lokali

“Jekk irridu nkunu l-Partit tan-nies, irridu niġu għandkom u naraw fejn inqasna” – Adrian Delia

“Jekk irridu nkunu l-Partit tan-nies.. irridu niġu għandkom u naraw fejn inqasna”. Sostna dan il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt li kien qed jiġi intervistat minn Simon Vella Gregory fil-programm Iswed fuq l-Abjad.

Fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju li għadda l-poplu reġa’ bagħat messaġġ lill-PN li jekk mhux se jinbidel biżżejjed u jirristruttura, allura post il-PN huwa fl-Oppożizzjoni. Bl-umiltà kbira rridu nilqgħu dan il-messaġġ u nagħmlu riflessjonijiet importanti. Adrian Delia qal li jekk il-PN mhux se jkun magħqud mhux se jimxi ‘l quddiem.

Il-Kap tal-PN qal li wara li Jean Pierre Debono ddeċieda li mhux se jaċċetta s-siġġu Parlamentari wara li kien elett b’mod demokratiku fl-Eżekuttiv tal-PN, huwa importanti li naraw jekk iridx isir xi tibdil fl-istatut tal-Partit.

Adrian Delia sostna li rridu nagħmlu dak kollu possibbli flimkien ħalli mbagħad joħroġ it-tajjeb. Kull individwu jista’ jgħin kemm lill-Partit iżda wkoll lill-Pajjiż. Huwa saħaq li bħala partit irridu nkunu iktar qrib in-nies u nerġgħu nieħdu lill-PN għand in-nies. Saħaq li hemm bżonn li ninvolu iktar żgħażagħ u nħallu lilhom jitkellmu.

Fuq il-kwistjoni tal-Corinthia, Adrian Delia qal li dak li kien ħazin qabel l-elezzjoni ma tranġax wara r-riżultat tal-elezzjoni. L-Oppożizzjoni se tkun b’saħħitha u b’leħen wieħed tibqa’ ssostni li mhux se jkun iktar permessibbli li l-Gvern jibqa’ jiddisponi minn art pubblika għal skopijiet privati.

Adrian Delia qal li għandna Gvern li qed joħloq il-klassijiet soċjali għas-servizzi tas-saħħa fejn għandna sitwazzjoni ta’ anzjani li ma jaffordjawx li jixtru l-mediċina. Għalhekk bħala Partit rridu nagħmlu proposti konkreti biex l-aħjar mediċina possibbli tasal għand kulħadd.

L-MEP’s Nazzjonalisti Robert Metsola u David Casa se jkomplu bil-ħidma tagħhom sabiex l-armonizzazzjoni tat-taxxa ma tidħolx f’pajjiżna. Huwa saħaq li hemm bżonn li nġibu l-Ewropa f’Malta… immorru għand setturi partikolari u nuruhom x’benefiċċju hemm fl-Unjoni Ewropea għalihom.

Adrian Delia saħaq li l-Gvern qed jipprova jneżża’ lill-Kunsili Lokali mir-responsabbiltajiet tagħhom, għalhekk il-kandidati li kienu eletti f’isem il-PN iridu jkunu l-leħen tan-nies.

Huwa temm jgħid li l-ħidma fil-Partit trid tibda minn għada stess, biex b’hekk insiru partit iktar qrib in-nies… fejn in-nies jiġu l-ewwel u qabel kollox.