Futbol Sport

Jose Antonio Reyes jingħata l-aħħar tislima

(Ritratt: EPA)

L-eks plejer Spanjol Jose Antonio Reyes ingħata l-aħħar tislima fir-raħal ta’ Utrera, Seville fejn trabba. L-eks captain ta’ Sevilla miet is-Sibt li għadda f’ħabta bil-karozza fl-età ta’ 35 sena filwaqt li qarib tiegħu miet ukoll fl-inċident.

It-tebut tal-eks internazzjonali Spanjol ittieħed fl-istadium Ramon Sanchez-Pizjuan ta’ Sevilla fejn żaruh aktar minn 11,000 partitarju. Aktar tard, eluf oħra kienu barra l-istadium fejn sellmu l-memorja tal-plejer hekk kif it-tebut beda l-vjaġġ lejn Uterra. Il-funeral sar viċin Santa Maria de Mesa u fuq it-tebut kellu l-bandiera ta’ Sevilla.

Reyes beda l-karriera fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Sevilla fl-1994 u għamel id-debutt fl-istaġun 1999/2000. Reyes ingħaqad ma’ Arsenal f’Jannar tal-2004 u kien parti mit-tim li rebaħ il-Premier League mingħajr telfa.

Hu kompla l-karriera ma’ Real Madrid fl-istaġun 2006/07 fejn irnexxielu jirbaħ il-kampjonat. Wara li ħalla lil Arsenal fl-2007, Reyes ingħaqad ma’ Atletico Madrid u rritorna ma’ Sevilla għat-tieni esperjenza fl-2016. F’dan l-istaġun, il-ħames darbiet rebbieħ tal-Europa League kien qed jilgħab ma’ Extremadura fit-Tieni Diviżjoni.