Futbol Sport

L-MFA titlob biex tiġi posposta l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFRA

Il-Malta Football Association ħarġet stqarrija biex titlob għall-posponiment tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFRA li kellha ssir illejla. Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Bureau tal-MFA li hu magħmul mill-ogħla uffiċjali tal-assoċjazzjoni.

Dan wara li l-assoċjazzjoni rċeviet numru ta’ ilment minn referees individwali minħabba tħassib dwar id-deċiżjoni tal-MFRA li twaqqaf aktar minn nofs il-membri tagħhom milli jivvutaw fil-Laqgħa Ġenerali Annwali. Dan it-tħassib wassal għal petizzjoni li ġiet iffirmata minn 102 uffiċjali u kienet preżentata lill-MFA.

Il-Bureau tal-MFA ħadet id-deċiżjoni li tipposponi l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFRA wara li talbu kjarifikazzjoni mill-MFRA li hi membru tal-assoċjazzjoni.

Dalgħodu saret laqgħa bejn iż-żewġ partijiet li ma kinitx konklussiva, bl-MFRA kienet mitluba biex tipprovdi aktar dokumentazzjoni li kienet tiċċara l-kwistjoni bejn dawk konċernati.

Minħabba n-nuqqas ta’ ħin, il-Bureau tal-MFA assuma s-saħħa u r-responsabbiltà tal-Kunsill tal-MFA skont l-istatut tal-assoċjazzjoni. L-istqarrija temmet tgħid li l-MFA tittama li l-kwistjni tkun solvuta u tiġi assigurata rappreżentazzjoni adekwata tas-settur tar-referees.

Tags