Sport Sport Ieħor

Nico Sciberras jirbaħ kompetizzjoni tat-trap fil-Qormi Clay Shooting Club

It-tiratur żagħżugħ Nico Sciberras reġa’ spikka hekk kif rebaħ il-kompetizzjoni tat-trap organizzata mill-Qormi Clay Shooting Club. Flimkien ma’ Sciberras, fuq il-podju tela’ Paul Formosa u Rudolph Zammit li spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Wara r-rawnds ta’ kwalifikazzjoni, is-sitt finalisti li kkwalifikaw fl-ordni kienu George Mifsud (45/50), Paul Formosa (44/50), Raymond Micallef (43/50), Rudolph Zammit (40/50), Nico Sciberras (39/50+1), Brian Zammit (39/50+0)

Iżda George Mifsud kien eliminat fl-ewwel rawnd wara li laqat biss 13-il plattina minn 25. Raymond Micallef kien eliminat warajh fit-tieni rawnd, bit-tiratur Brian Zammit jonqos li jirkupra wara l-ewwel rawnd ftit ħażin. Il-finali kienet kontestata minn Nico Sciberras u Paul Formosa wara li Rudolph Zammit ikkuntenta bit-tielet post. Sa qabel l-aħħar rawnd, it-tnejn kienu laqtu 35 plattina minn 40 iżda fil-finali, Sciberras laqat tmien plattini kontra l-erba’ plattini ta’ Formosa.

Il-programm tax-Shotgun tal-Federazzjoni Maltija tal-Isparar ikompli bejn illum u t-13 ta’ Ġunju bil-Grand Prix Internazzjonali ta’ Malta fix-Shooting Range tas-Siġġiewi.

L-aqwa tiraturi fil-klassijiet rispettivi għal r-rawnd ta’ kwalifikazzjoni b’dawn ir-riżultati:

Klassi A:1. George Mifsud 45/50

Klassi B:1. Paul Formosa (44/50), 2. Raymond Micallef (43/50), 3. Rudolph Zammit (40/50)

Klassi Ċ: 1. Brian Zammit (39/50), 2. George Grech (37/50), 3. Paul Gatt (36/50)

Tags