Lokali

Theddid mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq l-MUT

Konferma li l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika mhux ser isiru – Is-sitwazzjoni tal-għalliema tibqa’ waħda prekarja.

Din is-sena l-eżamijiet tal-Malti u Matematika fl-iskejjel sekondarji mhux ser isiru. Dan saħqitu l-Unjin tal-Għalliema hekk kif fi stqarrija ġie spjegat li wara vot unanimu, id-direttivi ser jibqgħu fis-seħħ.

L-MUT spjegat li din il-kwistjoni ma nqalgħetx dan l-aħħar iżda ilha għaddejja madwar sena meta l-Ministeru kien qiegħed jimmassimizza l-operat billi jinjora klawżola tal-ftehim settorali li tistipula li f’kundizzjonijiet eċċezzjonali biss tista’ tagħti load ta’ lezzjonijiet aktar milli stipulat. Sfortunatament, kompliet l-istqarrija, il-kundizzjonijiet eċċezzjonali fil-każ tal-għalliema tal-Malti u tal-Matematika saru in-norma.

Kelliema għall-MUT saħqu li minkejja dan kollu l-Ministeru mmexxi mill-Ministru Evarist Bartolo kompla jiċħad ir-realtà tal-fatti u saħansitra wasal biex jgħid li m’hemmx bżomm ta’ aktar edukaturi l-għaliex skonthom ma kien hemm l-ebda nuqqas fl-ebda suġġett u fl-ebda livell. Fl-istess waqt l-MUT kienet qed tirċievi rapporti konsistenti mill-iskejjel li kien hemm nuqqasijiet kbar.

L-MUT saħqet li dan hu immaniġġjar ħażin u eżempju ċar ta’ kif il-Ministeru ma jagħmilx projections dwar il-ħtiġijiet fis-settur.

Minħabba dan kollu, l-Unjin spjegat li f’Settembru 2018 l-MUT tat direttiva lill-għalliema tal-Malti u l-Matematika dwar l-assessjar inkluż l-eżamijiet. B’responsabbilta’ kbira din id-direttiva ingħatat kmieni ħafna sabiex matul il-ġimgħat ta’ wara jinstabu soluzzjonijiet biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata bla dewmien. Madankollu l-MUT saħqet li l-Ministeru tal-Edukazzjoni naqas milli jieħu s-sitwazzjoni bis-serjetà.

L-Unjin saħqet li kawża ta’ l-immassimizzar tar-riżorsi li l-iskejjel qed jingħataw id-direzzjoni mill-Ministeru biex jgħaqqdu gruppi ta’ studenti b’abiltajiet differenti fl-istess klassi. Dan huwa disservizz lill-istess studenti u żgur ma jagħmilx ġid lill-edukazzjoni tagħhom.

Għaldaqstant, minflok ma nstabet soluzzjoni fiż-żmien stipulat,ta’ madwar sena, il-Ministeru issa fl-aħħar ġimgħa qabel l-eżamijiet qed jagħmel pressjoni fuq l-MUT u saħansitra bagħat ittra li tinkludi theddida li ser ikun qiegħed jesponi l-każ quddiem il-pubbliku. L-MUT saħqet li m’hix ser tiġi intimidata bl-ebda mod u ser tibqa’ l-unika entita’ li taqbeż għall-edukaturi u għal qasam edukattiv.

Fi stqarrija l-Unjin tal-Għalliema insistiet li qed isir dan kollu biex tevita li niġu f’sitwazzjoni fejn l-istudenti mhux biss ma jkollhomx l-eżamijiet imma jispiċċaw minghajr għalliema fil-klassi mhux biss f’dawn is-suġġetti imma f’suġġetti oħra u fil-primarja.

Għaldaqstant l-MUT ddikjarat li wara vot unanimu li ttieħed mill-membri effettwati u wara diskussjoni mill-Kunsill tal-MUT, id-direttivi ser jibqgħu fis-seħħ. Dan ifisser li din is-sena l-eżamijiet tal-Malti u Matematika fl-iskejjel sekondarji mhux ser isiru.