Lokali

“Għall-inkompetenza tal-Gvern m’għandhomx jeħlu l-istudenti u l-għalliema” – Clyde Puli

Għall-inkompetenza tal-Gvern m’għandhomx jeħlu l-istudenti li jattendu l-iskejjel sekondarji u l-għalliema.

Hija r-responsabbilità tal-Ministru għall-Edukazzjoni li jara li l-istudenti kollha jingħataw edukazzjoni ta’ kwalità u li jistgħu jagħmlu l-eżamijiet kollha meħtieġa sabiex jikkwalifikaw bl-aħjar mod.

Dan sabiex ikunu jistgħu ikomplu bl-istudji tagħhom u jkunu jistgħu jaspiraw għall-aħjar xogħlijiet wara li jkunu ngħataw it-tagħlim għall-ħiliet meħtieġa fid-dinja tax-xogħol tal-lum. 

Hija n-nuqqas ta’ ippjanar min-naħa tal-Gvern li qed twassal għal kriżi fl-edukazzjoni, li issa qed tispiċċa tolqot ukoll l-eżamijiet u l-kundizzjonijiet tal-għalliema.

Dan in-nuqqas ta’ ippjanar fl-edukazzjoni li issa ilu għaddej is-snin, ħareg biċ-ċar b’sitwazzjonijiet fejn l-istudenti qed jingħataw it-tagħlim fil-kontejners, bl-introduzzjoni ta’ suġġetti ġodda u l-proċeduri dwar kif se jiddaħħlu edukaturi ġodda, bl-ammont inkwetanti ta’ early school leavers fejn pajjiżna għandu t-tieni l-għola ammont fl-Ewropa u l-istat tal-għalliema Maltin li jinsabu demotivati għall-aħħar b’kundizzjonijiet li mhux iħajjru żgħażagħ jidħlu għal din il-professjoni tant importanti. 

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-istudenti kollha jistudjaw, jagħmlu l-eżamijiet tagħhom u jirnexxu sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom biex ikollhom xogħol b’paga tajba u livell ta’ kwalità tal-ħajja għolja. Il-PN jrid ukoll li l-għalliema jingħataw l-aqwa kundizzjonijiet u r-rispett kollu mistħoqq lejn il-professjoni tagħhom.

Għalhekk il-Gvern għandu jieqaf ifarfar ir-responsabbilità u jibda jieħu deċiżjonijiet serji biex joħroġ lis-settur edukattiv mill-kriżi li daħħlu fiha hu stess.