Lokali

Il-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna jikkwotaw ir-rapport mistur tal-Inkjesta Egrant

Skont Chris Cardona, Egrant hija 'storja fabbrikata'
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma ngħatax ir-rapport sħiħ

Meta l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għad m’għandux ir-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant, tant li kellu jiftaħ Kawża Kostituzzjonali, fil-Qorti ħareġ li anke tliet Ministri ta’ Joseph Muscat raw ir-rapport sħiħ, li s’issa għadu mistur.

Dan hekk kif, waqt li fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kawża dwar it-talba għal Inkjesta Maġisterjali fil-konfront tal-ftehim kontroversjali bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare, dwar l-għotja ta’ tliet Sptarijiet Pubbliċi, il-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna kkwotaw siltiet mir-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant.

Dan minkejja li l-Gvern u l-Avukat Ġenerali qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni li r-rapport sħiħ jinsab biss f’idejn Muscat għax kien direttament involut fil-każ wara li l-Ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia kienet allegat li t-tielet kumpanija miftuħa fil-Panama kienet ta’ mart il-Prim Ministru.

Fit-tweġiba tagħhom, irrappurtata fis-sit The Shift News, it-tliet Ministri Laburisti kkwotaw silta dwar l-allegati firem foloz inkluża fid-dokumenti għall-ħolqien tal-kumpanija sigrieta fil-Panama. Jirriżulta li fl-Inkjesta li mexxa, (illum Imħallef) Aaron Bugeja kien talab lill-Kummissarju biex “jibda investigazzjoni sabiex jiġi determinat min kienet il-persuna jew persuni responsabbli minn tali ħolqien (ta’ firem), użu u tixrid ta’ dokumenti foloz”.

Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru u tal-Avukat Ġenerali biex il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jingħatax kopja tar-rapport sħiħ għax, skont huma, dan jista’ jintuża’ għal skopijiet politiċi u li jtellfu l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejja.