Lokali

Kundanna għat-tikketta diskriminatorja tal-Gvern

Il-kampanja All Welcome mnedija mill-Ministru Helena Dalli hija bla dubju ta’ xejn kampanja li titfa’ lil pajjiżna f’keffa ma’ pajjiżi fejn l-intolleranza tiddomina.

Il-PN fi stqarrija qal illi ħadd mhu jifhem għalfejn ażjendi għandhom jagħmlu sinjal li huma lesti jaċċettaw kull tip ta’ persuna, speċjalment dawk LGBTIQ, meta dan huwa prinċipju stabbilit fil-Kostituzzjoni li għandu jiġi osservat u rispettat minn kulħadd. Qisu l-Ministru qegħda tipprova toħloq issue fejn filfatt ma hemm l-ebda issue.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li bl-emenda għall-artiklu 32 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, mressqa minnu stess fl-2013, dan l-artiklu jgħid b’mod ċar li:

  • Kull persuna f’Malta hija intitolata għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu, jiġifieri, d-dritt, tkun xi tkun ir-razza, post ta’ oriġini, fehmiet politiċi, kulur, twemmin, sess, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru tagħha.

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fi stqarrija qalet li din l-isticker hija ta’ insult għall-persuni LGBTIQ għaliex tmur kontra l-istess prinċipju ta’ ugwaljanza bbażat fuq id-diversità u qed tintroduċi ħsieb li persuna għandha label jew tikketta, u li dik il-persuna tista’ tmur u tiġi aċċettata f’post imma mhux f’ieħor.

U fi stqarrija separata, il-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN) jikkundanna t-tikketta li se tibda tingħata lill-persuni LGBTIQ fl-istabbilimenti u ħwienet bl-isticker u skema All Welcome. L-FOIPN jsostni li huwa kontra l-liġi li xi ħadd jiddiskrimina persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u għaldaqstant ħadd m’għandu jiġi eskluż minn xi post jew ħanut minħabba l-orjentazzjoni sesswali.

Bl-introduzzjoni tal-isticker se nkunu qegħdin inreġġgħu l-arloġġ lura u se tkun qed titfa’ lura lill-persuni LGBTIQ flok verament issaħħaħ id-diversità u l-inklussività. L-FOIPN jfakkar li l-liġijiet għandhom jiġu nfurzati sabiex jassiguraw inklussività għall-minoranzi u li d-drittijiet ta’ kulħadd jiġu mħarsa. Il-Forum jisħaq fuq l-obbligu ta’ kull ċittadin li joħloq ambjent fejn ħadd ma jħossu mhedded minn xi forma ta’ diskriminazzjoni.

Fl-aħħarnett, l-FOIPN jtenni li hu favur il-promozzjoni tad-diversità u l-inklussività fuq postijiet tax-xogħol, iżda mhux stickers u skemi li bihom il-Gvern qed iżid u mhux inaqqas l-emarġinazzjoni.