Lokali

L-ugwaljanza għadha ma ntlaħqitx – NCPE

Malta fl-ewwel post fost il-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni edukattiva tal-komunità LGBT.

Dan kien wieħed mill-punti prinċipali li saret enfasi fuqu waqt il-konferenza tal-NCPE, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

Minkejja dan, intqal li hemm diversi nuqqasijiet fl-ugwaljanza fis-soċjetà b’mod speċjali bejn is-sessi.

Skont ir-rapport annwali tal-ugwaljanza f’pajjiżna, jidher li n-nisa qed jimpjegaw ruħhom iżjed, iżda d-differenza bejn il-paga tagħhom u dik tal-irġiel qed tiżdied.

Barra minhekk, ir-rapport juri wkoll li l-ammont ta’ nisa f’pożizzjonijiet fejn isiru d-deċiżjonijiet, bħal Chairpersons, hu żgħir ħafna meta tqabbel mal-irġiel fl-istess pożizzjonijiet.

Fil-fatt, fil-Parlament hemm biss 10 nisa’ jirrappreżentaw lill-poplu Malti minn total ta’ 67.

Fl-2018, saru 11-il ilment lill-NCPE dwar inugwaljanza abbażi ta’sess, ilment wieħed għal fastidju sesswali, żewġ ilmenti minħabba l-età, wieħed fuq ir-reliġjon imħaddan u erbgħa fuq il-libertà tal-moviment, fost oħrajn li m’humiex klassifikati mill-NCPE.

Ir-rapport annwali ħares ukoll lejn diskriminazzjoni li saret fir-reklamar, fejn instabu 41 każ ta’ reklami li jiddiskriminaw bejn nisa u irġiel, b’mod speċjali f’termini użati għall-karigi differenti.

Fil-konferenza annwali, li issa daħlet fil-15-il sena tagħha, ingħataw l-‘Equality Marks’ lill-kumpaniji biex tkun rikonoxxuta l-ugwaljanza tal-ġeneri fi ħdan il-kumpanija tagħhom.