Lokali

SETTE GIUGNO: Bżonn li naraw ix-xebħ bejn l-istorja u l-preżent

Hemm bżonn illi nagħrfu x-xebħ bejn is-sitwazzjoni li wasslet għall-irvelli tas-Sette Giugno u dik kontemporanja.

Dan kien il-messagg li twassal f’simpożju dwar is-Sette Giugno li mmarka ċ-ċentinarju minn din il-ġrajja storika.

Intqal illi fi żminijiet diffiċli l-poplu Malti ingħaqad f’għaqda nazzjonali fir-realizazzjoni tar-realtà politika li kienu qegħdin jgħixu fiha.

L-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg, wieħed mill-kelliema fis-simpożju, stqarr illi ma nistgħux nistabbilixxu l-motiv ezatt wara l-irvelli tas-Sette Giugno billi nkunu speċifiċi żżejjed. Anzi hemm bżonn illi nagħrfu li ż-żminijiet kienu diffiċli u għalkemm kien hemm problema ta’ ikel, ma nistgħux nieqfu hemm.

Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat illi saħaq li minħabba l-inġustizzji li ħakmu l-pajjiż, il-poplu Malti ingħaqad kontra l-aġir tal-kolonja Ingliża.

Qal ukoll illi minn tfulitu kien affaxinat dwar kif irvellijiet bħal dawn sehhew minghajr l-id tal-ebda mexxej. Żied jgħid illi ħafna jqisu l-irvellijiet tas-Sette Giugno bħala l-bidu tal-mixja lejn l-Indipendenza ta’ Malta.


Esprima wkoll id-diżappunt tiegħu kif l-irwol tan-nisa f’din il-ġrajja storika, kien assenti għax ma ġiex iddokumentat.

Fl-irvellijiet tas-Sette Giugno huwa dokumentat li mietu 4 min-nies immedjatament kif inġabret folla l-Belt Valletta waqt l-Assemblea Nazzjonali tas-7 ta’ Ġunju 1919. Hemm possibbiltà wkoll li dawn l-irvelli ħadu l-ħajja ta’ żewġ vittmi oħra, li kienu fost il-feruti tal-irvellijiet, u mietu ftit taż-żmien wara.Is-simpożju kien kompost mill-kelliema Tonio Borg, Alfred Sant, Godfrey Pirotta u Joe Friggieri.