Internazzjonali

Stati Uniti-Renju Unit: Potenzjal kbir għal ftehim kummerċjali sostanzjali li tkompli tkattar l-alleanza

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May faħħret ‘is-sens tal-impenn komuni’ bejn pajjiżha u l-Istati Uniti waqt konferenza tal-aħbarijiet u wara laqgħat li saru bejnha u l-President Amerikan, Donald Trump. Dan meta Trump qed jikkonkludi t-tieni jum taż-żjara tiegħu fir-Renju Unit.

Sadanittant, kien sinifikanti l-kumment ta’ Trump li hemm ‘il-potenzjal enormi’ għal ftehim kummerċjali bejn l-Istati Uniti u Londra, ladarba r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Donald Trump qal ukoll li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit qed jibbażaw fuq ‘l-akbar alleanza li qatt rat id-dinja’.

Trump, kmieni fil-jum, sostna t-twemmin li jeżisti lok għal inizjattivi kummerċjali akbar bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit. Hu tenna wkoll li ‘il-Britanniċi u l-Amerikani jridu li, fis-snin li jmiss, isir ftehim bilaterali ( kummerċjali) mill-aktar sostanzjali.’

Aktar tard, Theresa May u Trump kellhom sensiela ta’ taħditiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street, f’Londra, u fejn fost oħrajn trattaw kwistjonijiet polemikużi bħall-kummerċ mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Ċiniża, Huawei, li spiċċat mira ta’ allegazzjonijiet li qed taqsam l-informazzjoni ta’ pajjiżi barranin mal-Gvern taċ-Ċina.

Iż-żewġ mexxejja tkellmu biċ-ċar dwar id-differenzi tagħhom fuq dan is-suġġett u trattaw ukoll xi differenzi rigward il-bidliet fil-klima.

Saret ukoll laqgħa għal kumpanniji Britanniċi u Amerikani, bis-sehem ta’ Ministri ewlenin u uffiċjali, bil-għan li tistimola r-rabtiet kummerċjali. Dan waqt li Theresa May ikkummentat li jeżistu ‘l-opportunitajiet kbar għar-Renju Unit u l-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien fil-futur waqt li jibnu fuq ir-relazzjonijiet bilaterali diġà tajbin’.

Sadanittant, f’Londra saru diversi dimostrazzjonijiet kontra ż-żjara ta’ Trump, b’attivitajiet simili jkunu pjanati fl-ibliet ta’ Birmingham, Stoke, Sheffield, Oxford, Chester, Leicester u Exeter – kif ukoll fi Glasgow u Edinburgh, fl-Iskozja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Laburista, Jeremy Corbyn u l-membri ta’ partiti politiċi oħra, inklużi l-Partit tal-Ħodor u l-Liberali Demokratiċi, kienu prominenti waqt id-dimostrazzjonijet li saru f’Westminster, fiċ-ċentru tal-kapitali

Sar magħruf ukoll li Donald Trump irrifjuta t-talba ta’ Corbyn biex jiltaqa’ miegħu, bil-President Amerikan ifisser lill-Kap Laburista bħala ‘personalità kemmxejn negattiva’.

Dan ukoll wara li Corbyn kien ibbojkottja l-pranzu statali li r-Reġina Eliżabetta organizzat għal Donald Trump fil-Palazz ta’ Buckingham bħala parti miċ-ċelebrazzjoni ta’ alleanza li tħares is-sigurtà u l-prosperità tal-poplu Britanniku u dak Amerikan.