Internazzjonali

SUDAN: Elezzjoni bikrija wara l-protesti vjolenti

Il-Militar fis-Sudan ħabbar li se jkun qed isejjaħ elezzjoni bikrija fi żmien 9 xhur.

Dan wara li l-forza militari f’dan il-pajjiż irċieviet kundanni internazzjonali għall-attakki vjolenti fuq dawk li pprotestaw fil-kapitali Khartoum fl-aħħar jiem. Attakki li ħallew tal-anqas 30 persuna mejta.

L-Istati Uniti ddeskriviet dawn l-attakki bħala brutali. Hu mifhum li fl-attakki intuża l-gas tad-dmugħ u saħanistra infetaħ in-nar fuq dawk preżenti.

Il-Militar warrab kull ftehim li kellu mal-koalizzjoni u wiegħed elezzjonijiet fil-qrib. Fis-sigħat li għaddew mexxej għoli tal-protesti qal li l-pajjiż jinsab f’xifer ta’ gwerra ċivili.

Il-protesti kienu bdew fis-6 ta’ April meta numru kbir ta’ persuni okkupaw il-pjazza quddiem il-kwartieri tal-Militar wara l-kolp ta’ stat li warrab lill-President Omar Al Bashir. Dawk li marru jipprotestaw għadhom qed jokkupaw din il-pjazza sal-lum.