Lokali

“Tebgħa fuq il-kuxjenza tal-Maltin” – President George Vella

Din hija “tebgħa fuq il-kuxjenza tal-Maltin”. Hekk sostna l-President tar-Repubblika George Vella hekk kif kien qed jiddeskrivi l-qtil riċenti tal-immigrant mill-Kosta tal-Avorju.

Dan kollu hekk kif il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-Kummissjoni Emigranti, fejn filwaqt li faħħar faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Kummissjoni Emigranti u rringrazzja lill-voluntiera għax-xogħol siewi li qed jagħmlu, il-President Vella qal li l-qtil riċenti ta’ Lassine Cisse Souleymane huwa “tebgħa fuq il-kuxjenza Maltija” u sostna li l-qalb Maltija tikkundanna atti bħal dawn.

Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-President qal li Malta qed tisħaq fuq il-qsim tal-piż bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Sadanittant Mons. Alfred Vella qal li l-Kummissjoni Emigranti tipprovdi 400 sodda f’14-il post differenti lill-immigranti, fosthom fil-Bon Pastur. Spjega kif il-funzjoni ta’ Dar l-Emigrant inbidlet mas-snin u minn servizzi li kienu jingħataw lill-Maltin li jemigraw, illum qed tgħin lil immigranti li jiġu Malta.