Lokali

Tentattiv ieħor biex tkun riġenerata l-Bajja tal-Balluta

Wara nfieq fix-xejn mill-Gvern u l-Ministru Konrad Mizzi biex issir riġenerazzjoni fil-Bajja tal-Balluta, l-istess Ministru tat-Turiżmu issa ħabbar li se jerġa’ jsir proċess ieħor ta’ riġenerazzjoni lil din il-Bajja.

Is-sena li għaddiet, il-Gvern kien nefaq €110,000 mill-fondi pubbliċi biex iżid iż-żona tar-ramel fil-Bajja tal-Balluta.

Madankollu, jidher li x-xogħol sar ta’ kafkaf u wara xahrejn biss, mal-ewwel maltempata ta’ Settembru, ir-ramel kollu li tqiegħed mill-Gvern telaq mal-baħar. Dakinhar tat-tnedija, il-Ministru tat-Turiżmu kien qal li l-Gvern ħejja pjan sostenibbli għal din il-Bajja, iżda kollox wera li dan ma kienx il-każ.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, il-Ministru Konrad Mizzi stess ħabbar il-proċess ta’ riġenerazzjoni ta’ tliet bajjiet – bi tnejn minnhom se jiswew ftit biss aktar minn kemm kienet swiet il-Bajja tal-Balluta waħedha.

Min-naħa l-oħra, kellu jiddefendi x-xogħol li sar għalxejn fis-Sajf li għadda billi qal li din id-darba, il-Bajja tal-Balluta se ssir mill-privat. U minkejja li dan ix-xogħol se jsir minn lukanda fil-qrib, il-Ministru Konrad Mizzi tenna li fuqha mhux se jitħallew operaturi privati ta’ deckchairs jew kiosks.