Lokali

“Terry Time is over, Terry Eternity now begins”

Tingħata l-Aħħar Tislima lil Terry Farrugia

Is-silenzju li ħalla warajh Terry mhux silenzju vojt – jew kif jgħidulu teknikament Dead Air – iżda jibqa’ ma’ dawk qrib tiegħu bl-eżempju u l-fidi li għex bihom.

Kliem Dun Brendan Gatt, li mexxa ċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Terry Farrugia – persuna sinonima mal-industrija tal-mużika u x-xandir.

Terry ingħata l-Aħħar Tislima fis-Santwarju ddedikat lill-Ħniena Divina f’San Pawl tat-Tarġa, fil-preżenza ta’ għadd ta’ personalitajiet, partikolarment dawk mis-settur tax-xandir u anke tal-ispettaklu.

Dun Brendan qal li matul ħajtu, Terry kien jemmen bis-sħiħ li l-kliem mingħajr imħabba huma biss storbju u ra li jqassam din l-imħabba man-nies ta’ madwaru – l-ewwelnett ma’ martu u ż-żewġ uliedu.

Terry baqa’ pożittiv u mingħajr tgergir, tant li sejjaħ u rringrazzja lill-infermiera meta sar jaf li ma jistgħu jagħmlu xejn aktar biex jgħinuh. Minflok, hu għażel li jsib saħħa u kuraġġ fit-talb.

Dun Brendan spjega kif Terry aktar kien jinkwieta kif il-marda kienet qed taffetwa lil dawk ta’ madwaru milli lilu stess. Għax l-imħabba tiegħu użaha sew bħal dak li uża sew it-talenti li tah il-Mulej.

Iċ-Ċelebrant semma’ każ partikolari meta darba mar jara lil Terry l-Isptar. Dakinhar, mingħajr l-ebda pubbliċità, kien tah envelope bi flus biex jagħtihom lil min hu fil-bżonn. U kien kuntent ferm meta sema’ li parti minnhom marru għal tifel li kellu bżonn isiefer għal raġunijiet ta’ saħħa.

Dun Brendan temm billi kkwota isem il-programm li Terry kien jagħmel … għax għalkemm Terry Time issa spiċċa, tibda issa t-Terry Eternity.

Terry kien ilu għaddej b’battalja kontra l-Leukaemia mill-2016 qabel ma għadda għal ħajja aħjar il-Ġimgħa li għadda.