Lokali

Tikber il-kontroversja wara reazzjoni negattiva mill-komunita’ LGBTIQ

Il-PN jgħid li din l-isticker hija biss insult

Minflok jistinka biex jitneħħew it-tabelli minn fuq persuni LGBTIQ, il-Gvern spicca hu stess iwahhal tabelli li jiddistingwu lil dawn il-persuni minn oħrajn.

Hekk qed isostnu diversi individwi li tkellmu apertament fuq il-media socjali kontra din il-mossa tal-Ministru Helena Dalli, illi t-Tnejn ħabbret li se jibdew jitwahhlu stickers mal-hwienet biex dan juru li “jaċċettaw” persuni LGBTIQ.

Meta dalgħodu kienet pressata minn Net News biex twieġeb b’mod ċar dwar din il-kontroversja li ħolqot hi stess, il-Ministru naqset milli tikkommetti ruħha li tirtira din l-inizjattiva. Anzi, ġabet skuża li hemm pajjizi ohra li implimentaw mizura bhal din.

F’mument minnhom, il-Ministru Dalli kwazi ammettiet li l-istickers possibilment se jwasslu messagg ta’ eskluzjoni minflok inkluzjoni.

Minkejja dan kollu, il-Ministru Helena Dalli qed tirrifjuta li twiegeb jekk hux se tirtira din l-inizjattiva kontroversjali…bl-istaff taghha jwaqqafna milli nkomplu naghmlu d-domandi legittimi.

Kampanja li titfa’ lil pajjiżna f’keffa ma’ pajjiżi fejn l-intolleranza tiddomina 

Fi stqarrija, il-PN qal li l-kampanja All Welcome mnedija mill-Ministru Helena Dalli hija bla dubju ta’ xejn kampanja li titfa’ lil pajjiżna f’keffa ma’ pajjiżi fejn l-intolleranza tiddomina.

Ħadd mhu jifhem għalfejn ażjendi għandhom jagħmlu sinjal li huma lesti jaċċettaw kull tip ta’ persuna, speċjalment dawk LGBTIQ, meta dan huwa prinċipju stabbilit fil-Kostituzzjoni li għandu jiġi osservat u rispettat minn kulħadd. Qisu l-Ministru qegħda tipprova toħloq issue fejn filfatt ma hemm l-ebda issue. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li bl-emenda għall-artiklu 32 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, mressqa minnu stess fl-2013, dan l-artiklu jgħid b’mod ċar li:

  • Kull persuna f’Malta hija intitolata għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu, jiġifieri, d-dritt, tkun xi tkun ir-razza, post ta’ oriġini, fehmiet politiċi, kulur, twemmin, sess, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru tagħha.

L-istqarrija tad-deputat Claudette Buttigieg tgħid illi din l-isticker hija ta’ insult għall-persuni LGBTIQ għaliex tmur kontra l-istess prinċipju ta’ ugwaljanza bbażat fuq id-diversità u qed tintroduċi ħsieb li persuna għandha label jew tikketta, u li dik il-persuna tista’ tmur u tiġi aċċettata f’post imma mhux f’ieħor.