Lokali

Ballerina Maltija ta’ 11-il sena se tiżfen f’wieħed mill-aqwa teatru fir-Renju Unit

Il-ballerina Maltija ta’ 11-il sena Julia Gauci ntagħżlet biex tkun parti minn żewġ prestazzjonijiet live fis-Sadler’s Wells Theatre ta’ Londra u f’The Crescent ta’ Birmingham.

Dan wara li iktar kmieni din is-sena ħadet sehem f’auditions minn skola tal-ballet fir-Renju Unit. L-ispettaklu se jsir f’Settembru li ġej, bil-Maltija li se tkun appoġġjata finanzjarjament minn Bupa Malta u l-BOV Joseph Calleja Foundation.

B’hekk Julia, li ta’ kuljum titħarreġ għal tliet sigħat wara l-iskola, se ssir l-iżgħar Maltija li qatt kienet parti minn spettaklu f’dan it-teatru ta’ Londra, meqjus fost l-aqwa fil-pajjiż.

Julia għandha quddiemha wkoll diversi opportunitajiet oħra anke wara li ntagħżlet minn The Opera de Paris, The Royal Ballet School, The English National Ballet School, u r-Rambert School of Ballet and Contemporary Dance għal sessjonijiet intensivi ta’ taħriġ.