Lokali

Culhat Al Belt – Wirja f’għeluq il-100 sena mill-ġrajjiet tas-Sette Giugno

“Kulħadd għall-Belt” – din kienet l-għajta li baqgħet tfakkar l-avvenimenti li seħħew fis-7 ta’ Ġunju tal-1919 u li biddlu l-istorja ta’ pajjiżna.

Kliem li uża fil-bidu tad-diskors tiegħu fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ wirja li tfakkar propju dawn l-avvenimenti, l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.

Fid-diskors fiċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq il-100 sena minn dawn l-avvenimenti li Anġlu Farrugia ddeskriva bħala wieħed mill-iktar passi sinnifikanti fil-mixja demoratika ta’ pajjiżna, hu fakkar li l-eżerċizzju tal-vot hu dmir ċiviku ta’ kull Malti.

L-Ispeaker ħa l-okkażjoni wkoll jitkellem dwar ir-rwol tal-media fid-demokrazija, u tenna li lkoll għandna obbligu nirriflettu fuq l-istat tad-demokrazija f’pajjiżna.

Il-wirja, li tinsab fl-entratura tal-Parlament tinkludi dettalji u informazjoni dwar il-protagonisti tal-avvenimenti li seħħew fl-1919 flimkien ma’ dokumentarju li juri kif żvolġew il-ġrajjiet ta’ dakinhar.

Fil-wirja hemm ukoll għadd ta’ oġġetti marbuta mal-ġrajjiet ta’ dawk il-jiem fosthom sufan li kien intefa’ mill-gallarija ta’ Villa Francia mid-dimostranti Maltin, u biċċiet mill-apparat tal-istamperija tad-Daily Malta Chronicle li ġiet meqruda mill-Maltin waqt l-irvellijiet.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-wirja kien hemm diversi mistiedna distinti u membri parlamentari, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.